Proċess importanti fi New Mexico sab li l-ġgant tat-teknoloġija ħeba dak li kien jaf dwar l-isfruttament sesswali tat-tfal fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tiegħu.
Meta, li huwa s-sid ta’ Facebook, Instagram u Whatsapp, ġie ordnat iħallas $375 miljun (aktar minn €324 miljun) f’danni wara li nstab li konxjament għamel ħsara lis-saħħa mentali tat-tfal.
Qorti fi New Mexico, l-Istati Uniti, sabet li l-kumpanija kienet ħebet dak li kienet taf dwar l-isfruttament sesswali tat-tfal fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tagħha.
Dan il-verdett immarka l-ewwel darba li ġurija ddeċidiet dwar tali talbiet kontra Meta, hekk kif il-ġgant tat-teknoloġija qed jiffaċċja ammont kbir ta’ kawżi dwar kif il-pjattaformi tiegħu jaffettwaw is-saħħa mentali taż-żgħażagħ.
Il-każ ta’ New Mexico kien ibbażat fuq investigazzjoni sigrieta fejn aġenti ħolqu kontijiet tal-midja soċjali li kienu qed jagħmluha ta’ tfal biex jiddokumentaw is-solleċitazzjoni sesswali u r-rispons ta’ Meta.
Il-prosekuturi sostnew li Meta kien jimpurtah aktar mill-profitti milli mis-sigurtà online tat-tfal u kiser partijiet mill-Att dwar Prattiki Inġusti tal-istat.
Waqt proċess ta’ seba’ ġimgħat f’Santa Fe, il-ġurija qablet mal-allegazzjonijiet li Meta għamlet dikjarazzjonijiet foloz jew qarrieqa u qablet ukoll li Meta kienet involuta fi prattiki kummerċjali “mhux kuxjenzabbli” li ħadu vantaġġ inġustament mill-vulnerabbiltajiet u n-nuqqas ta’ esperjenza tat-tfal.

