Saturday, November 23, 2024

Is-sid ta’ Pilatus Bank jaf jeħlisha minn akkużi li sarulu fl-Istati Uniti u li jġorru madwar 130 sena piena ta’ ħabs

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-prosekuturi federali Amerikani ħadu deċiżjoni rari li jirtiraw mill-proċeduri kriminali kontra l-bankier Ali Sadr li kien imexxi wkoll il-Bank Pilatus f’pajjiżna. Il-bankier kien qed jiġi akkużat li kiser is-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran. 

F’Marzu li għadda, Ali Sadr Hashemi Nejad kien instab ħati li f’Marzu għen bix jgħaddu $115-il miljun mis-sistema finanzjarja Amerikana lil entitajiet Iranjani permezz ta’ proġett ta’ kostruzzjoni fil-Venezwela. Il-Prosekussjoni kienet qalet li Sadr ħoloq netwerk ta’ kumpaniji u kontijiet tal-bank biex jgħatti l-involviment ta’ missieru, li hu l-kap tal-grupp Iranjan Stratus u wieħed mill-aktar negozjanti ta’ suċċess f’dan il-pajjiż.

Madankollu, nhar il-Ġimgħa f’Qorti Federali f’Manhattan, il-prosekuzzjoni talbet permess mill-imħallef biex jaqa’ l-każ, filwaqt li sostnew li kien hemm ċans li l-każ ikompli għaddej minħabba nuqqas ta’ provi. Qalu wkoll li dan jista’ jwassal għal wisq ħela ta’ riżorsi u għalhekk ma jkunx fl-interess tal-ġustizzja. 

Ta’ min wieħed jgħid li din id-deċiżjoni kienet waħda stramba peress li l-akkużi li kien qed jiffaċċja jammontaw għal kważi 130 sena ħabs. Fil-fatt, hu kien akkużat b’kospirazzjoni biex jiffroda l-Istati Uniti (piena ta’ ħames snin); kospirazzjoni għall-vjolazzjoni tal-IEEPA (piena ta’ 20 sena); frodi bankarja (piena ta’ 30 sena); kospirazzjoni biex iwettaq frodi bankarji (piena ta’ 30 sena); ħasil ta’ flus (piena ta’ 20 sena) u kospirazzjoni biex iwettaq ħasil ta’ flus (piena ta’ 20 sena).

Anke l-avukat ta’ Sadr stess ra din id-deċiżjoni bħala waħda stramba. 

Intant, il-familja tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia talbu Ali Sadr jiġi estradit lejn Malta u jiffaċċja l-ġustizzja f’pajjiżna. 

Sport