Sunday, December 29, 2024

Is-Siġar tal-Ficus se jitħallew fejn huma fil-Mosta

Is-Sindku Mosti jisħaq li dan il-proġett tfassal għan-nies

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Sindku tal-Mosta, il-Perit Chris Grech ħabbar li skont ix-xewqa tal-pubbliku, s-siġar tal-ficus li hemm bħalissa fi Pjazza Rotunda mhux se jitħawlu f’parti oħra tal-Mosta iżda jibqgħu fejn huma. Grech qal li l-kunsilliera nnutaw l-opinjoni tal-pubbliku u għalhekk ittieħdet din id-deċiżjoni. 

Is-Sindku qal li l-proġett tal-Pjazza tal-Mosta tfassal għan-nies u se jkun qiegħed jitwettaq għan-nies għalhekk m’għandu ebda diffikultà li jikkunsidra x-xewqat tan-nies jekk kemm-il darba dawn is-siġar tal-ficus ikunu jistgħu jiġu inkorporati fil-proġett. Spjega li l-iskop tal-proġett tal-Pjazza mhuwiex biss li jsebbaħ il-Pjazza, iżda wkoll li jagħti aktar aċċessibbiltà lin-nies. Semma wkoll proġett għaż-żona ta’ wara r-Rotunda biex iċ-ċentru tal-Mosta jgawdi mill-isbaħ proġetti li jħaddru ż-żona urbana biex tiġi kumplimentata s-sbuħija tar-Rotunda.

Is-Sindku Mosti qal li Id-deċiżjoni li s-siġar tal-ficus jibqgħu fil-pjazza ttieħdet wara li l-Moviment Graffitti u għadd ta’ residenti Mostin protestaw bil-qawwa kontra d-deċiżjoni li ħa l-kunsill lokali b’mod unanimu biex dawn is-siġar tal-ficus jiġu rrilokati lejn iż-żona ta’ Santa Margerita u minflokom jiġu mħawla 12-il siġra oħra indiġena.  Huwa żied jgħid li s-siġar tal-Ballut li kellhom jitħawlu fil-pjazza tal-Mosta jistgħu jsebbħu ż-żona ta’ Santa Margerita fi triq l-Imsaqqfin. 

Tul dawn il-protesti, il-Pulizija arrestat lill-attivist Andre Callus, azzjoni li għaliha rreaġixxew diversi kelliema miż-żewġ partiti l-kbar fosthom il-Ministru Byron Camilleri li saħaq dwar id-dritt ta’ protesta paċifika.

Fl-ewwel reazzjoni tagħhom il-Moviment Graffitti qalu li xorta waħda se jiltaqgħu filgħaxija quddiem il-Kunsill Lokali tal-Mosta biex jiċċelebraw din ir-rebħa li seħħet grazzi għall-isforz kollettiv tal-Mostin u persuni oħra, jinsistu li s-Sindku u l-Kunsill jerfgħu r-responsabiltà għad-deċiżjoni oxxena li kienu ħadu u li treġġgħet lura biss grazzi għar-reżistenza tan-nies u jitolbu għal riforma fl-awtoritajiet ambjentali, speċjalment l-ERA, li skonthom mhux qed jaqdu l-irwol tagħhom li jħarsu l-ambjent ta’ gżirietna.

Ekonomija

Sport