Saturday, November 23, 2024

Is-sigriet tas-suċċess tagħna kien li minkejja li kellna skwadra tajba, dejjem konna magħqudin flimkien – Jurgen Suda

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn missieri, Hubert, fejn ta’ sitt snin bdejt nilgħab il-futbol.

X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess li ksibtu meta sirtu champions tal-Izibet Amateur League u ksibtu l-promozzjoni għaċ-Challenge League?

Is-sigriet tas-suċċess tagħna kien li minkejja li kellna skwadra tajba, dejjem konna magħqudin flimkien.

X’tikkummenta fuq il-kowċ ta’ Mgarr United, Brian Spiteri? U fuq l-eks kowċ, Jason Camenzuli?

Il-kowċis Brian Spiteri u Jason Camenzuli għamlu biċċa xogħol tajba ħafna, fejn ma’ Jason konna l-ewwel post u konna għadna qegħdin f’kull kompetizzjoni, imbagħad komplejna ma’ Brian fejn irnexxielna neliminaw lil Santa Lucia fl-FA Trophy, irnexxielna nsiru champions u jonqosna żewġ finali oħra fil-jiem li ġejjin.

X’tikkummenta fuq il-kumitat ta’ Mgarr United immexxi mill-president Manuel Zarb?

Il-kumitat tal-Imġarr huwa wieħed tajjeb ħafna, irnexxielu jżomm l-iskwadra magħquda u dejjem kien preżenti magħna matul l-istaġun, immexxi mill-president Manuel Zarb, li f’ismi u f’isem sħabi l-plejers, nirringrazzjawh għax ovvjament mingħajru xejn ma kien ikun possibli.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Ovvjament il-barranin mhux dejjem ikunu tal-livell mixtieq, peró, sena wara sena dan il-kampjonat dejjem qiegħed itejjeb il-livell.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Amateur League?

Il-grawnds li jintlagħbu fihom dan il-kampjonat ma naħsibx li kollha huma ta’ kwalitá u kobor biex jintlagħbu kampjonati tat-timijiet tal-kbar fihom.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fl-Amateur League?

ll-livell tar-referis ma tantx inħobb nidħol fih. Ovvjament issib ħafna livelli differenti ta’ referis.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xoghol tieghek u mal-futbol?

Ix-xogħol u l-futbol jirrikjedu ħafna sagrifiċċji biex tlaħħaq magħhom it-tnejn, u mhux kulħadd jifhem u japprezza kemm hija xi ħaġa diffiċli.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Fuq il-futur tiegħi dejjem inħobb nieħu l-futbol sena b’sena. Fadal l-aħħar ġimagħtejn importanti ħafna f’dan l-istaġun ma’ dan il-klabb. Kif jispiċċa l-istaġun nieħu naqra mistrieħ imbagħad naħsbu għall-istaġun li ġej.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

It-tfal li jħobbu l-futbol ngħidilhom biex jippruvaw iżommu l-futbol u jittrenjaw b’mod regolari u dejjem jemmnu fihom infushom.

Sport