Sunday, December 22, 2024

IS-SIGURTÀ FIT-TOROQ TITLOB LI KULĦADD JAGĦTI SEHMU

Aqra wkoll

Mhijiex darba jew tnejn li nnutajna kampanji edukattivi li l-għan tagħhom hu li titqajjem aktar kuxjenza dwar is-sigurtà fit-toroq. Kampanji bħal dawn u oħrajn isiru matul is-sena kollha iżda dawn jintenisfikaw l-iktar fiż-żmien ta’ festi. 

Iżda kampanji waħedhom ma jwasslu mkien jekk ma jkunux appoġġjati mis-sena ċiviku tal-pubbliku inġenerali, billi kulħadd jagħti sehemu biex is-sigurta fit-toroq tkun aktar effettiva.

Għalhekk dawn il-kampanji mhumiex intenzjonati biss għas-sewwieqa tal-muturi u l-karozzi, iżda anke għal min ikun qed jimxi fuq il-bankina. Iżda kemm qed nagħtu każhom dawn il-fatturi biex l-inċidenti, l-iktar dawk gravi u fatali jonqsu mit-toroq Maltin? Sfortuatament ma tantx qed naraw li dawn qed jingħataw importanza. Din is-sena l-istatistika turi li kien hemm żieda fl-inċidenti tat-traffku fit-toroq tagħna. 

Il-fatt li l-inċidenti qed jiżdiedu hija xi ħaġa allarmanti. Fost id-diversi raġunijiet għala dawn qegħdin jiżdiedu, hemm il-fatt li mhux darba jew tnejn naraw lil xi ħadd isuq b’veloċità eċċessiva jew inkella sewwieqa aljenati jibagħtu xi messaġġ jew jagħmlu telefonati waqt li qed isuqu. 

Il-fatt illi dan il-gvern jagħti importanza assoluta għas-sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna hija xi ħaġa ta’ min ifaħħarha. Hekk ukoll jista jingħad għal Transport Malta li se tkun qed iżżid il-miżuri biex ittejjeb is-sigurtà fit-toroq għal żmien il-Milied. 

Iżda, is-sigurtà fit-toroq m’għandhiex tkun fil-ġranet tal-Milied biss imma s-sena kollha.  Għax x’jiswa li jkollna kampanji biex jikber l-għarfien u dak li jkun jibqa’ ma jagħtix każ u jagħmel ta’ rasu l-aqwa li jinqeda hu?  

Bħal f’kull ħaġa oħra, nemmnu li ċ-ċavetta biex jonqsu l-inċidenti hija l-edukazzjoni u li wieħed ikun responsabbli lejh innifsu u lejn għajru. Dan jirrikjedi anki bidla fil-mentalità fejn jidħlu drittijiet u dmirijiet.

F’dawn iż-żminijiet ta’ festi huwa naturali li jiżdied id-divertiment, iżda biex nieħdu gost aħna, m’għandniex impoġġu fil-periklu s-saħħa u l-ħajja ta’ ħaddieħor, jekk mhux ukoll tagħna stess. Għalhekk ninsistu biex il-frażi ‘jekk se tixrob issuqx’ tibqa’ f’moħħna mhux illum jew għada biss imma dejjem u f’kull waqt.

Ekonomija

Sport