Fil-pajjiżi kollha Ewropej… jew kważi kollha… jinsabu għaddejja dibattiti sħaħ dwar is-sigurtà nazzjonali, kemm mil-lat militari barrani, kemm mil-lat intern. Veru li fil-maġġoranza kbira tagħhom huma pajjiżi membri tan-NATO li jqisu lir-Russja bħala theddida fondamentali waqt li huma mheżża b’kif qed tittrattahom l-amministrazzjoni Amerikana.
F’Malta sal-lum ma kellna l-ebda diskussjoni publika dwar il-qagħda tas-sigurtà nazzjonali. Għax ħaddieħor iħoss il-bżonn li jirrevedi l-politika ta’ sigurtà tiegħu, dan bl-ebda mod m’għandu jfisser li Malta trid tagħmel l-istess. Biss, meta pajjiżi barranin ġirien jirrevedu l-politika tas-sigurtà tagħhom u jdaħħlu strateġiji ġodda, awtomatikament tiġi affettwata s-sigurtà tagħna.
Ninsabu f’dil-qagħda u tajjeb li s-suġġett jingħata attenzjoni. Aktar u aktar għax mil-lat operattiv, aħbarjiet riċenti… bħas-serqa ta’ droga miċ-ċentru tal-armata, il-problemi “mekkaniċi” fl-aqwa bastiment tal-forzi tas-sigurtà navali, in-numru ta’ helikotteri tal-armata li mhumiex jiffunzjonaw… indikaw li hemm diffikultajiet serji fit-twettiq ta’ ħidmiet “normali” ta’ sigurtà.
***
INVESTMENTI PUBLIĊI
Ftit jeżisti għarfien ta’ kemm il-prioritajiet li l-gvernijiet (inkluż tagħna) jissettjaw għal kif se jinvestu minn sena għal sena mill-fondi tal-baġit tagħhom, jiġu influwenzati mill-Unjoni Ewropea. Parti sostanzjali mill-baġit tal-Unjoni tmur lejn il-gvernijiet nazzjonali biex b’mod qawwi u anqas qawwi tikkontribwixxi fi proġetti nazzjonali ta’ investiment.
Biss fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-kontribut Ewropew imur lejn ċerti tipi ta’ proġetti, f’oqsma magħżula mill-istess Unjoni. Kriterju li ntuża għal snin twal, kien li proġetti nazzjonali jridu jkunu se jservu wkoll biex jissaħħaħ is-suq wieħed Ewropew.
Ħaġa naturali li gvernijiet bdew jagħtu preferenza lil proġetti nazzjonali ta’ dat-tip biex inaqqsu mill-ispiża diretta tagħhom fl-investiment billi jagħmlu tajjeb għaliha b’fondi Ewropej. Mhux ta’ b’xejn li f’Malta pereżempju, għal snin twal saru investimenti kbar fit-toroq prinċipali mentri dawk sekondarji baqgħu imwarrba.
***
INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI
Qed jintefqu biljuni fuq biljuni ta’ dollari fl-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali. Korporazzjonijiet enormi fil-kumnikazzjoni jaraw dal-qasam bħala wieħed li se jibqa’jiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ innovazzjoni u profitt. Qed itellqu bejniethom biex jiksbu qagħda dominanti fis-swieq ta’ għada meta jaslu l-aqwa riżultati tal-intelliġenza artifiċjali. Il-progress milħuq sal-lum mhu xejn, ħdejn x’għad jitwettaq. Fit-tellieqa frenetika daħlu wkoll l-aqwa stati tad-dinja, konvinti li min jaqa’ lura f’dal-qasam se jispiċċa tellief ta’ dejjem.
Imma x’jiġri jekk jinstab li dawn l-aspettattivi kollha huma esaġerati? Li ħafna mill-kisbiet imbassra se jibqgħu biss fuq il-karta jew baqagħlhom żmien ferm itwal milli qed jintqal biex isiru realtà? Minn ċerti aspetti, dil-ġirja għamja wara l-frott mistenni mill-intelliġenza artifiċjali tixbah ħafna kif żviluppaw numru ta’ bżieżaq finanzjarji fl-istorja ekonomika tal-bniedem.