Thursday, April 18, 2024

Is-Sindku tal-Belt jafferma titjib fis-sigurtà fit-toroq … speċjalment fi tmiem il-ġimgħa

Fl-aħħar xhur tlaqqgħu stabbilimenti dwar abbużi fil-ħinijiet tad-daqq tal-mużika

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Argument bejn grupp ta’ żgħażagħ fil-Belt Valletta, fl-aħħar xhur wassal għal reazzjonijiet imħallta fuq il-mezzi soċjali. Bosta kienu dawk li esprimew tħassib wara, li wieħed minn dawk involuti saħansitra sofra xi ksur. Ta’ min ifakkar li f’temp ta’ ftit sigħat ittieħdet azzjon mill-Pulizija tad-distrett u żewġ żgħażagħ tressqu l-Qorti b’rabta mal-każ.

Talk.mt tkellem mas-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-Belt Valletta. Zammit qalilna li minkejja dak il-każ, iż-żgħażagħ m’għandhomx għalfejn jibżgħu fil-Kapitali, anzi għandhom iħossuhom iktar siguri. Filwaqt li kkundanna l-inċident għaliex qatt m’għandha tintuża l-vjolenza, huwa żied jinnota titjib fil-ħidma kollaborattiva bejn il-Pulizija u l-Kunsill Lokali.

Investigazzjonijiet bejn it-tnejn wasslu biex ġie magħruf li bosta ġuvintur u tfajliet kienu qegħdin jinġabru quddiem stabbiliment partikolari sempliċiment sabiex ikollhom aċċess għall-internet.

Minħabba f’hekk, Zammit qal li ttieħdet azzjoni, li konsegwetament kellhom ibagħtu diversi anzjani. Dan minħabba li tneħħew diversi bankijiet fi Triq ir-Repubblika, fejn qabel dawn kienu jinġabru. Lil hinn minn dan il-każ partikolari, is-Sindku żied jgħid li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta żied is-sigurtà fit-toroq. Qal li meta wieħed jiġi fit-tmiem il-ġimgħa fil-Belt, jista’ faċilment jinnota li qed ikun hemm ammont sostanzjali ta’ Pulizija mferrxin għal iktar sigurtà.

Fl-istess intervista, Zammit fakkar dwar l-avviż legali li kien iddaħħal is-sena li għaddiet u li estenda l-ħin tad-daqq tal-mużika fil-Belt Valletta sas-1:00 a.m. Din kienet qajmet kontroversja, minħabba li kien hemm min ma qabilx. F’dan ir-rigward is-Sindku qal li wara diversi xhur, ir-riżultat huwa wieħed pożittiv. Fil-bidu stqarr li kien hemm xi ftit taqlib minħabba l-fatt li l-liġi kienet għadha ma ndratx mir-residenti Beltin u mill-pubbliku, iżda s-sitwazzjoni tjiebet maż-żmien.

Żied jgħid li minkejja li hawn dawn il-liġijiet, bosta huma dawk li kienu u, li saħansitra għadhom jabbużaw sal-ġurnata tal-lum. B’ħidma konġunta mal-Pulizija tad-disrett, Zammit qal li minn mindu dan l-avviż legali daħal fis-seħħ kellu diversi laqgħat mal-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo. Fl-istess laqgħat huma laqqgħu diversi stabbilimenti u bars li kienu qegħdin jabbużaw mill-ħin.

Qal ukoll li din il-liġi ma tgħoddx għar-residenti li jgħixu n-naħa ta’ isfel, għaliex kien il-Gvern stess li għażel it-toroq fejn il-mużika tista’ tindaqq sas-1:00 a.m. Spjega li l-mużika għandha tkun waħda moderata, jiġifieri li wieħed ikun jista’ jikkomunika faċilment ma’ persuna oħra. L-atmosfera tal-mużika normalment, hija l-iktar imfittxija lejn tmiem il-ġimgħa fejn kif mistenni, aktar persuni jżuru l-Kapitali. Zammit żied jinnota li matul il-ġimgħa l-Belt tkun pjuttost kwieta.

Temm jgħid li minkejja d-divertiment huwa soġġett għall-kontroversja, huma bosta dawk li jfittxu l-Belt Kapitali għal ħin ta’ divertiment. Qal li permezz ta’ dan id-divertiment, ristoranti u bars qegħdin isiru aktar popolari, fejn attwalment qegħdin ikunu ta’ kontribut qawwi għall-ekonomija Maltija.

Rigward il-livell ta’ divertiment meta kkumparat ma’ dak f’Paceville, Zammit qal li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta mhux se jaċċetta qatt li jkollu Belt li tkun bħal Paceville. Huwa ċċara kliemu billi għamel distinzjoni bejn iż-żewġ postijiet u qal li l-atmosfera f’Paceville tista’ tkun problema għar-residenti fil-Kapitali minħabba li dawn jinsabu iżjed viċin dawn l-istabbilimenti u l-bars.

Zammit temm jappella lill-ġenituri, li li l-Belt Valletta hija belt sigura għaż-żgħażagħ biex jieħdu pjaċir. Madanakollu huwa rrimarka dwar l-importanza li l-ġenituri jedukaw lil uliedhom biex kemm jista’ jkun jevitaw li jkunu involuti f’argumenti li fil-maġġoranza tagħhom jistgħu jiġu evitati.

Ekonomija

Sport