Friday, July 26, 2024

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg rikonoxxut għall-ħidma b’risq l-ambjent

Aqra wkoll

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg ġie rikonoxxut b’Ġieħ ir-Repubblika għall-ħidma ambjentali tiegħu b’mod partikolari biex jitħares Ħondoq ir-Rummien. Buttigieg twieled il-Qala fl-1963 u bħala xogħol professjoni jaħdem bħala mastrudaxxa.

Huwa kien elett fil-Kunsill Lokali tal-Qala fl-2017 f’isem il-Partit Laburista u ilu jservi bħala Sindku għal dawn l-aħħar 7 snin. Buttigieg ilu għal aktar minn 20 sena attiv f’kampanji favur l-ambjent u t-tgawdija tiegħu miċ-ċittadini, kemm f’raħal twelidu u anke fi bnadi oħra ta’ Malta u Għawdex.

Huwa l-aktar magħruf għall-ġlieda tiegħu biex isalva Ħondoq irRummien, li għaliha saħansitra kiseb il-laqam ‘Pawlu ta’ Ħondoq’. L-attiviżmu ta’ Buttigieg issarraf f’battalja ta’ 22 sena kontra żvilupp kbir propost għal din iż-żona tal-pajjiż. Din il-ġlieda laħqet il-qofol tagħha fl-2023 meta l-Qorti tal-Appell irrifjutat l-appell tal-iżvilupptatur.

Il-ħidma ta’ Buttigieg wasslet sabiex Ħondoq ir-Rummien ma jiġix żviluppat u jista’ jibqa’ jitgawda mingħajr ħlas mill-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti li jżuruh. Matul is-snin, Buttigieg kien strumentali f’kampanji oħra favur lambjent, fosthom il-ġlieda biex jiġi salvat il-Wied tal-Marġa, sors ta’ ilma naturali importanti għall-bdiewa, u l-kampanja biex jitwaqqaf l-iżvilupp fuq art agrikola f’Ta’ Muxi ġewwa l-Qala.

Buttigieg jipparteċipa attivament f’kampanji li jsiru f’irħula oħra mmirati biex jipproteġu l-ambjent.

Ekonomija

Sport