Thursday, November 14, 2024

“Is-sistema għandha tkun ġusta mal-partijiet kollha għall-aħjar tal-interess tat-tfal”

Dr Lynn Chircop Faure

Aqra wkoll

Spiss nisimgħu li d-drittijiet umani għandhom jiġu applikati għal kulħadd. Fil-verità, dawn huma drittijiet fundamentali tal-bniedem li madankollu ma japplikawx biss għal xi faxxa ta’ eta’ partikolari iżda għal kulħadd.

Minkejja kollox, jidher li fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, hawn faxxa ta’ nies vulnerabbli li b’xorti ħażina qed ikollhom dawn id-drittijiet imkasbra b’mod partikolari jekk dawn ma jkollhomx vuċi jew ftit jinstemgħu. Fost dan il-grupp ta’ nies hemm it-tfal li sfortunatament jispiċċaw jiżfnu fin-nofs meta jkun hemm xi diżgwid bejn il-ġenituri b’mod partikolari f’xi każ ta’ separazzjoni.

Din hi realtà li pajjiżna qed jaffaċċjaha wkoll u biex nitkellmu aktar dwar dan is-suġġett, Talk.mt tkellem mal-avukat Lynn Chircop Faure sabiex tagħtina aktar informazzjoni dwar dan kollu.

Riċentement, Chircop Faure ressqet sett ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex ċerti drittijiet tat-tfal jiġu salvagwardjati. Dan għamlitu wara li semgħet minn diversi individwi t-tbatija li kienu għaddejjin minnha.

“Smajt esperjenzi ferm diffiċli u rajt kemm għadhom jeżistu inġustizzji li jwasslu għal trawma wara l-oħra mhux biss min-nies involuti iżda wkoll min-naħa tat-tfal. Dawn huma l-inqas nies li jkollhom vuċi għax huma jridu jimxu mal-kurrent filwaqt li jidħlu f’sitwazzjonijiet xi kultant ta’ piki li m’hemmx bżonnhom.”

Chircop Faure b’hekk ħarġet dawn l-istess rakkomandazzjonijiet li ħafna minnhom huma ferm prattiċi, li faċilment jsolvi numru kbir ta’ inċertezzii minħabba n-nuqqas ta’ proċeduri miktuba għall-uffiċjali pubbliċi li t-twettieq tal-funzjonijiet tagħhom joltqu t-tfal b’mod dirett jew indirett. B’hekk standards fil-mod kif jiġu proċessati t-talbiet, r-rapporti u l-infurzar tal-obbligi jistgħu jagħmlu l-ħajja tat-tfal ferm aktar faċli u l-kontabilità fis-servizz lejn kull min jagħmel it-talba f’isimhom tkun trasparenti u dokumentata.

“L-ewwel u qabel kollox, min jirċievi t-talbiet fis-servizz pubbliku jrid ikun magħruf u jkun responsabbli li jiftaħ u jagħlaq rapport li jkun aċċessibbli għal min jagħmel talba bil-miktub, dejjem skont proċeduri li ma jmorrux kontra l-ebda liġi u drittijiet validi u esistenti oħra. B’hekk wieħed ikun jista’ jkejjel u jinvestiga r-raġuni ċertu servizzi ma jingħatawx u l-problemi jiġu indirizzati sakemm ma jkunux hemm dilġriet tal-qorti. Hawn ukoll wieħed irid jindirizza l-probelma ta’ kompetenzi, rizorsi umani jew tekniċi li jafu jkunu kawża għad-dewmien eżaġerat biex il-Qorti tasal għal-ġudizzju ekwu u ġust skont l-obbligi li għandu l-Istat lejn l-individwi, saħansitra l-kunsiderazzjoni primarja għandha tingħata lil bżonnijiet tat-tfal. In-nuqqas ta’ dan qed iwassal għal tbatija żejda fuq ċertu ġenituri. Minn studju ġie kkalkulat li hawn madwar 7,700 ġenitur li għandhom problema sabiex jeżerċitaw id-dritt tal-aċċess u din hi sfortuna kbira meta kemm l-missier kif ukoll l-omm jkunu ddikjarati ġenituri denji – Forsi wasal il-waqt li awtorità tfassal standard ta’ ġenitur denju u f’kawżi fejn ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet tal-inqas ikollhom konferma mill-esperti fil-qasam, li t-tnejn huma elegibbli bħala kustodji. Tal-inqas fuq din għandhom jaqblu. Meta l-fatti u l-evidenza twassal għal konkluzjonijiet oħra, hawn ukoll ma jkunx hemm lok għal ambigwitá u dak li ma jkunx fl-interess tat-tfal jiġi stabbilit u ddikjarat abbażi ta’ raġunijiet li min qed jagħmel it-talba għandu dritt li jirċievi bil-kitba u mingħajr dewmien.”

Lynn Chircop Faure tgħid li qalb dawn il-piki u ġlied, ikunu t-tfal li finalment jitilfu t-tfulija u t-tgawdija għal-familja u l-membri kollha tagħha, inkluż ma’ ħuthom, nanniet, zijiet, li skont il-ligi għandhom dritt għalija. Iżda meta l-ġenituri li jidħlu f’kunflitti li huma ma jafux joħorġu minnhom, l-istess tfal jiġu mċaħħda milli jkollhom relazzjonijiet stabbli u b’saħħithom. Meta l-ġenituri jkunu vulnerabbli, minflok jaħsbu għall-aħjar ta’ uliedhom jidħlu f’kunflitti sempliċement għax jaħsbu fihom infushom.

“Wasal ż-żmien li t-tfal kollha kollha jgawdu l-aħjar żmien ta’ ħajjithom. Din l-inugwaljanza għat-tgawdija tal-familja mhix ġusta. Hawn iridu jidħlu l-psikologi, l-aġenzija għall-protezzjoni tat-tfal, professjonisti li huma kompetenti biex iħarsu l-interessi tal-minuri sabiex verament dawn iċ-ċkejknin tagħna jkunu protetti.”

Kien għalhekk li Lynn Chircop Faure studjat sew ċerti każijiet u ħarġet 100 miżura b’35 titlu separati li fihom dawk kollha li jistgħu jagħmlu d-differenza jqisuhom bħala gwida għal xi każijiet futuri li jista’ jkun hemm.

Insaqsu lil Chircop Faure dwar l-istat tal-familja Maltija bħalissa. Kemm hi b’saħħitha?

“Il-membri kollha tal-familja għandhom jkollhom l-aċċess għal-għajnuna, servizzi ta’ kwalità għolja u effiċjenti kif ukoll garanzija li twassal għal-soluzzjoni. Nemmen li hemm lok biex jissaħħu l-familji u t-tfal li qed jitrabbew f’kultura fejn qed jesperjenzaw diversi, intuhom tama li jwettquha meta jiġu biex jistabbilixxu l-familji tagħhom fil-futur. Issib minn kollox, minn sitwazzjoni fejn ġenitur qed jiġi eskluż milli jara lil uliedu għall-sitwazzjoni fejn il-ġenitur l-ieħor qed jagħti lil uliedu protezzjoni żejda li ma ssarrafx fi kwalita u żvilupp emozzjonali xi drabi.”

“Dan kollu juri l-bżonn li nsaħħu l-valur tas-sagrifiċċju u l-kompromess biex it-tfal ma jitpoġġewx f’ċirkostanzi li ma jkollhom kontroll fuqhom. Il-konsegwenzi narawhom madwarna, fuq il-mezzi soċjali, xi wħud minnhom qed jitilgħu b’ċertu rabja lejn is-soċjetà għaliex jħossuhom minsija u l-familja tagħhom bil-mod il-mod tispiċċa titkisser.”

Iżda l-mistoqsija fundamentali tibqa’ waħda. It-tfal x’se jsir minnhom? Hu minnu li l-ġenituri qed ikunu egoisti u jfittxu li tgħaddi tagħhom minflok imorru għall-kompromess jew medjazzjoni?

Hawnhekk Chircop Faure tappella biex tirrenja r-raġuni. Qed tħares lejn dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ħejjiet, li xi wħud minnhom li hi sejħitilhom prattiċi, diġa jistgħu jiġu eżegwiti. Jekk nieħdu eżempju, normalment ikun hemm ordni mill-qorti li l-ġenituri jridu jsegwu u jekk din ma tiġix segwita, bħal kull ordni tal-qorti oħra, tkun l-pulizija eżekuttiva li tieħu l-inkarigu tal-infurzar. Iżda mhux biss. Illum għandna diversi awtoritjiet, agenziji speċjalizzati. Dawn għandhom ir-riżorsi li ‘l hekk imsejħa pick-up points fejn il-ġenituri jieħdu lit-tfal tagħhom għandhom ikunu f’postijiet strateġiċi. Dawn għandhom ikunu wkoll sempliċi għal kulħadd mhux jiġi aġevolat ġenitur partikolari u ħaddieħor irid jitla’ minn post ‘il bogħod biex jiġi jieħu lil uliedu. Hi ġabet eżempju ta’ ġenitur li joqgħod Malta iżda jrid jitla’ Għawdex biex jara lil uliedu. Hawn Chircop mhux qed tgħid li l-ġenitur jistenna li jiġi aġevolat. Qabel kollox il-bżonn tal-ulied jiġu l-ewwel. Iżda fejn hemm li ż-żewġ partijiet ikunu prattiċi u tkun purament minħabba l-pika li ma tistax tinstab soluzzjoni, tkun is-sistema li twassal għat-triq tan-nofs. Wara kollox it-tfal tat-tnejn u skont Chircop Faure mhux ġust li jinġibed ħabel wieħed.

L-avukat Lynn Chircop Faure terġa’ ssemmi l-fatt li għandu jkun hemm emenda dwar il-kwistjoni tal-manteniment speċjalment jekk dak li joħroġ il-flus jiltaqa’ ma’ mument xejn faċli f’ħajtu.

“Iltqajt ma’ każijiet fejn persuna jew persuni partikolari sabu diffikultajiet sabiex iħallsu l-manteniment ta’ uliedhom. Meta dawn huma każijiet ġenwini, persuna kellha problemi ta’ mard, jew fuq il-post tax-xogħol u saħansitra spiċċat bla paga u ma kellhiex biex tħallas il-manteniment.”

“Il-liġi bħalissa issibek ħati ta’  kontravenzjoni  kontra  l-ordni  pubbliku lil kull min hekk  ordnat  minn  xi  qorti  jew  hekk  marbut b’kuntratt  jonqos  li  jagħti  lil  xi  persuna,  is-somma ffissata  minn  dik  il-qorti  jew  stipulata  fil-kuntratt bħala  manteniment  għal  dik  il-persuna  fi  żmien ħmistax-il jum minn dak il-jum li fih, skont dik l-ordni jew dak il-kuntratt, ikollha titħallas dik is-somma. Meta l-ħati jkun reċidiv jista’  jeħel  piena  ta’ detenzjoni ta’ mhux iżjed minn tliet xhur jew multa ta’ mhux iżjed  minn  €200  jew  priġunerija  għal żmien mhux iżjed minn xahrejn;

Li ġenitur jispiċċa l-ħabs huwa proporjonat, meta qed ngħidu li għandna unknown fathers li s-sistema ma tagħmilx tfittxija kif jixraq għalihom u oħrajn li jinżertaw weħlu mhux b’nuqqas intenzjonat jeħel il-ħabs. Li bniedem jiġi kkunsidrat kriminal sempliċement għax is-sistema mhux toffri alternattiva biex tiġbor il-ħlas tal-manteniment, fuq raġuni valida, mhux fl-aħjar interess tal-ulied għaliex xorta waħda mingħajr manteniment fil-ħin tibqa l-parti l-oħra. Allura hawnhekk x’inhuma l-prijoritajiet u l-liġi lil min qed tissalvagwardja? Dawn huma fost il-ħafna problemi żejda li l-istat jista’ joffri alternattiva għalihom bħala bono pater familias u kustodju ewlieni tad-drittijiet tal-minuri. ”

Finalment Lynn Chircop Faure tappella lill-ġenituri tat-tfal sabiex ifittxu aktar mezzi alternattivi fejn jistgħu jidħlu fi d-djalogu u jsibu punti li jaqblu fuqhom fl-aħjar interess ta’ uliedhom, għax wara kollox huma ġabuhom fid-dinja u għalhekk ir-responsabbiltà hi primarjament tagħhom. Jekk mhux ser jaslu huma, l-istat m’għandux iħalli l-piki joħolqu inkonvenjenza serja fuq t-tgawdija li għandhu jkollhom it-tfal għal-imħabba u l-kuntatt regolari mal-membri tal-familja tagħhom. B’hekk biss wieħed jista’ jaċċerta ruħu li d-drittijiet tat-tfal jiġu salvagwardjati bl-aħjar mod possibbli u ma jibqgħux jiġu mkasbra.

Ekonomija

Sport