Wednesday, April 24, 2024

Jirritorna l-Ħondoq by Night Festival

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt 8 ta’ Lulju 2022 se tittella’ l-10 edizzjoni ta’ Ħondoq by Night Festival, waħda mill-akbar attivitajiet li jsiru f’Għawdex. Dan ġie mħabbar mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru Clint Camilleri sostna li matul dan is-sajf, dawk kollha li jżuru Għawdex se jsibu bosta attivitajiet jistennewhom, fosthom dan il-festival fuq il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien. Kompla jispjega li, “Il-Ministeru għal Għawdex ikun fuq quddiem biex jgħin finanzjarjament sabiex jittellgħu attivitajiet bħal dawn, li tant jattiraw viżitaturi lejn Għawdex filwaqt li jiġġeneraw turiżmu intern. Kommess li nkomplu ninvestu f’dawn l-avvenimenti u nsaħħuhom sabiex Għawdex ikun id-destinazzjoni tal-għażla ta’ kulħadd matul is-sena kollha u mhux fis-sajf biss.”

Il-Ministru tenna li dan il-festival isir fi sfond ta’ messaġġ ċar u b’saħħtu favur l-ambjent, fejn waqt l-attività ma jintużax single-use plastic sabiex dan is-sit ma jiġix ikkontaminat minn dan il-materjal hekk perikoluż għall-ibħra tagħna. Il-Ministru Camilleri appella biex kull min igawdi ix-xtajtiet tagħna jagħmel dan b’rispett sħieħ lejn l-ambjent tal-madwar u lejn l-istess nies li jżuru s-sit u dan billi ma jintremiex skart, speċjalment plastic u loqom tas-sigaretti. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li jaħdmu sabiex il-bajjiet tagħna jinżammu indaf.

Is-Sindku tal-lokalità tal-Qala, Paul Buttigieg, stieden lill-pubbliku sabiex jattendi għal dan l-avveniment u jgawdi din il-bajja f’ambjent naturali mill-isbaħ.

Noel Mizzi, wieħed mill-organizzaturi ta’ dan il-festival, qal li l-line up tal-Ħondoq by Night Festival se jinkludi wħud mill-aqwa artisti lokali, fosthom, Cash & Band, Carlo Gerada, Ryan Spiteri, Micimago u DJ Darco. 

Dan il-festival qed jittella’ bis-sostenn tal-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru għat-Turiżmu, il-Kunsill Lokali tal-Qala u l-kampanja ‘Saving our Blue’.

Sport