Tuesday, May 14, 2024

Is-sistema l-ġdida tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tibda mit-Tnejn

Ir-reviżjoni tas-sistema tal-kontijiet ħa tidħol fis-seħħ fl-10 t’Ottubru u tapplika b’lura mill- 1 ta’ Jannar 2022

Aqra wkoll

Mit-Tnejn 10 t’Ottubru, il-familji Maltin se jibdew jirċievu kontijiet tad-dawl u l-ilma aġġustati, hekk kif il-Gvern qed jemenda r-regolamenti tal-2009 dwar il-kontijiet biex tissolva anomaliji fil-kalkoli tal-kontijiet.

Dan il-pass jirrappreżenta wkoll t-twettiq tal-miżura tal-Budget 2022, kif imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Gvern Laburista.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret din ir-reviżjoni tas-sistema tal-kontijiet u spjegat kif dan it-tibdil se jindirizza anomalija fir-regolamenti tal-2009. Din is-soluzzjoni hija frott xhur ta’ ħidma teknika u legali u wara li ġew solvuti inkonsistenzi fit-test tar- regolamenti oriġinali mfassla mill-amministrazzjoni ta’ bejn 2008-2013. 

“Il-Gvern wiegħed li se jsolvi dawn l-anomaliji li saru mill-amministrazzjoni preċedenti fl-2009. Illum, qed inwettqu din il-wegħda,” qalet il-Ministru Dalli. “Ma morniex għal sistema annwalizzata li tirrikonċilja l-kontijiet darba fis-sena. Din kieku kienet tfisser li 21% tal-konsumaturi jitilfu l-benefiċċji tal-eco reduction. Minflok, ħriġna b’soluzzjoni li tagħti aġġustament lill-konsumaturi kull xahrejn, biex b’hekk ikunu jistgħu janalizzaw u jippjanaw il-konsum tal-enerġija tagħhom matul is-sena.”

“Għal darb’oħra qed nikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li kontinwament inżommu lill-familji u lin-negozji Maltin fiċ-ċentru tal-politika tal-enerġija tal-pajjiż. Fl-2013, dan il-Gvern naqqas it-tariffi b’25%, fejn ta’ stimilu qawwi  ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent lil pajjiżna. Minkejja l-isfidi internazzjonali  li wasslu biex f’pajjiżi oħra il-prezzijiet tal-enerġija jiżdiedu f’livelli li ħadd ma seta’ jantiċipa, aħna qed inkomplu nipprovdu l-appoġġ biex inżommu lill-familji tagħna ‘l bogħod minn dawn it-tbatijiet,” qalet il-Ministru Dalli. 

Ir-regolamenti tal-2009 ġew introdotti flimkien mas-sistema ta’ smart metering, fejn il-konsumatur kien qed jirċievi l-kont kull xahrejn, għal kuntrarju ta’ kull sitt xhur. B’din is-sistema li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar fl-2010, kien hemm il-possibilità li l-klijenti ma jagħmlux użu mill-units tal-faxex (bands) tat-tariffi kollha allokati lilhom. Ir-rati fil-konsum tad-dawl u l-ilma għad-djar residenjzali Maltin huma strutturati b’faxex ta’ tariffi, b’rati baxxi għall-ewwel konsum ta’ units u oħrajn aktar għoljin għal konsum akbar, biex jonqos l-użu ta’ enerġija b’mod aċċessiv. 

B’riżultat ta’ din ir-reviżjoni l-ġdida, ARMS Ltd se tniedi sistema ta’ kontijiet riveduta li tibqa’ toħroġ kontijiet kull xahrejn, filwaqt li tagħti lura lill- konsumaturi aġġustament għall-units li ma jkunux intużaw. Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jżommu l-istess format, però issa dawn se jinkludu wkoll żewġ linji ġodda, waħda li turi ‘aġġustament’ tal-konsum tal-elettriku f’termini ta’ flus (Ewro), u oħra li turi ‘aġġustament’ tal-konsum tal-ilma, f’termini ta’ flus ukoll.

Konsumaturi li għandhom konsum kostanti fil-parametri tal-faxex intitolati, jew  dawk li regolarment jaqbżu dawn il-parametri, huma dawk li se jirċievu l-inqas aġġustament jew saħansitra ma jirċievu l-ebda aġġustament.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ARMS Ltd Silvio Scerri, qal li din is-sistema ta’ reviżjoni se tkun qed tapplika għal konsum tad-dawl u ilma mill-1 ta’ Jannar 2022. L-eco reduction se tkompli tkun ikkalkulata abbażi ta’ kull xahrejn, u mhux b’mod kumulattativ, dan biex jiżgura li l-familji ma jitilfux dan it-tnaqqis, spjega Scerri. 

ARMS Ltd. se tkun qed tagħmel upgrade tal- online bill calulator biex tagħti aktar dettalji lil konsumaturi fuq il-komputazzjoni tal-kontijiet tagħhom. Għal aktar informazzjoni żur www.arms.mt.

Preżenti għall-istqarrija tal-aħbarijiet kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia.

Sport