Sunday, December 22, 2024

Is-sitwazzjoni fl-Afganistan tgħallimna li waħedhom l-interventi militari jew gwerer kontra t-terroriżmu mhux effettivi

Aqra wkoll

Mingħajr dubju, it-tluq fl-aħħar jiem tal-forzi militari tal-Istati Uniti mill-Afganistan u fuq kollox il-kontroll mill-ġdid ta’ dan il-pajjiż mit-Talibani wassal biex dan il-pajjiż jerġa jaqa’ f’kaos kbir. Eluf ta’ Afgani fl-aħħar sigħat ippruvaw jaħarbu mill-pajjiż b’kull mezz possibbli. Dwar is-sitwazzjoni u l-kriżi li laqtet lill-Afganistan fl-aħħar jiem, Talk.mt ħa l-kummenti tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo.   

X’tgħallimna l-istorja tal-Afganistan dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu ?

Dak li qed jiġri fl-Afganistan f’dawn il-jiem jerġa’ jurina li interventi militari jew gwerer kontra t-terroriżmu waħedhom m’humiex effettivi u ma jsolvux problemi fit-tul għax anki jekk isolvu xi problemi għal xi żmien joħolqu oħrajn ġodda u agħar u jħallu konsegwenzi serji għal ħafna snin. Lanqas proġett sempliċiment politiku ma jaħdem: li pereżempju li jsiru l-elezzjonijiet f’pajjiż li ilu snin twal imkisser bi gwerra wara l-oħra.

Biex tibni pajjiż stabbli jrid ikun hemm żvilupp soċjali u ekonomiku li minnu jkun qed igawdi l-poplu. Il-familji jridu jħossu li l-ħajja tagħhom qed titjieb bil-ħolqien tal-ġid u t-tqassim ġust tiegħu, bil-ħolqien tax-xogħol li jgħin futur jinbena. Bis-suldati biss jew bid-diplomatiċi biss ma tistax tibni nazzjon u tibni l-paċi jekk ma jkunx hemm żvilupp ekonomiku u soċjali.

Tħoss li kif żviluppat is-sitwazzjoni fl-Afganistan tixbaħ lil dak li rajna fil-passat f’pajjiżi oħra? 

L-eżempji tal-Afganistan, tal-Iraq, fis-Sahel fl-Afrika, fil-Libja… kollha juruna li l-intervent militari jew politiku waħdu jista’ jneħħi xi problemi iżda jekk ma jkunx hemm il-bini ta’ ekonomija u soċjetà stabbli wara tkun qisek għamilt nofs xogħol jew inqas. Waqqajt bini antik biex tibni wieħed ġdid minfloku iżda ġibt lil min iwaqqa’ l-bini u ma ġibtx bennejja u l-bini l-ġdid ma jasal qatt. Tħalli biss ħerba. Waqqajt il-bini l-antik u ma bnejtx il-ġdid. L-aktar li jbatu dawk li għallinqas kellhom dar qabel, anki jekk b’ħafna nuqqasijiet, iżda issa għandhom biss ħerba. Meta se nitgħallmu mill-istorja?

Fuq kollox jekk wieħed jidħol f’dawn il-pajjiżi b’sens ta’ superjorità u arroganza u timponilhom is-soluzzjonijiet, xorta ma tasalx. Flok tibni mill-pedamenti, mill-poplu tal-pajjiż innifsu, tkun qed tibni mis-saqaf ‘l isfel …minn fuq għal isfel u minn barra għal ġewwa u l-bini se jaqa’ żgur illum jew għada. Trid tibni mill-pedamenti u l-bennejja jridu jkunu l-poplu tal-pajjiż innifsu. Il-barranin għandhom jgħinu jekk jixtiequ tassew il-ġid lill-poplu.

Il-poplu Afgan huwa eżempju ta’ poplu li ilu jbati snin twal. Taqbel ma’ dan ?

Iva. Għal sekli sħah il-poplu Afgan ma tħalliex jibni pajjiżu u jagħġen l-istorja tiegħu. Pajjiżi oħra invadew lill-Afganistan biex jużawh u jinqdew bih biss għall-interessi tagħhom u mhux għall-ġid tal-poplu Afgan. Sakemm pajjiżi oħra se jkomplu jibqgħu jindaħlu u jużaw lil Afganistan kif jaqblilhom, sakemm mhux se jħallu lill-poplu Afgan jibni lill-Afganistan huwa stess, il-problemi kkumplikati ħafna li għandu l-pajjiż mhux se jiġu solvuti.

Kif tara r-rwol tan-Nazzjonijiet Magħquda f’din il-kriżi ?

Il-pajjiżi kollha li għal xi raġuni jew oħra għandhom rabtiet qawwija mal-Afganistan hemm bżonn li jpoġġu flimkien fil-qafas tan-Nazzjonijiet Magħquda u jaqblu li jappoġġjaw u jħallu lill-poplu tal-Afganistan jibni lil pajjiżu bl-impenn li ma jħallix it-territorju tiegħu jhedded is-sigurtà ta’ xi pajjiż ieħor, hu min hu. Dan ifisser li l-Istati Uniti u n-NATO, l-UE, iċ-Ċina, l-Iran, ir-Russja, il-Pakistan u ġirien oħra għandhom jaħdmu flimkien bla ma jeskludu lil xi ħadd minnhom. Biex ikun hemm tama mqar ċkejkna li dan l-isforz diffiċli ħafna jirnexxi hemm bżonn li nerġgħu lura biex inħaddmu d-diplomazija b’umiltà u b’paċenzja kbira, bid-djalogu u n-negozjati, minflok il-konfrontazzjoni u l-kruċjati minn dawk li jaħsbu li huma superjuri għall-pajjiżi l-oħra.

Ekonomija

Sport