Filwaqt li l-Labour Migration Policy ta’ Malta taffiet ħafna mill-problemi li jaffaċċjaw ħaddiema minn pajjiżi terzi, b’danakollu hemm diffikultajiet li dawn il-ħaddiema għadhom jaffaċċjaw speċjalment f’każi ta’ appell għall-ħruġ ta’ permessi biex ikunu jistgħu jaħdmu f’Malta. Huwa stmat li din il-problema qiegħda taffettwa aktar minn 5,000 persuna.
Is-Segretarju Internazzjonali tal-General Workers’ Union Kevin Abela qal dan f’kummenti ma’ dan il-ġurnal fejn irrefera għal din il-kwistjoni u appella sabiex tinstab soluzzjoni bla dewmien.
Abela stqarr li f’ħafna mill-każijiet li qed jitressqu quddiem il-Unjin, isibu li jkun hemm xi nuqqas amministrattiv bħal meta kumpanija ma tħallasx miżata żgħira biex jinħareġ il-permess tax-xogħol, jew inkella jkun hemm xi każi ta’ allegat abbuż.
Huwa faħħar il-Labour Migration Policy li qal li għenet biex jitnaqqsu ħafna mill-abbużi li kien hemm. Madankollu tenna li għad hemm kwistjonijiet oħra li jeħtieġ li jkunu indirizzati. Qal li problema ewlenija hi dik li fiż-żmien tal-appell quddiem il-Bord, l-individwu ma jistax jaħdem u għalhekk ma jkollux introjtu, filwaqt li problema oħra hi dik relatata mad-dewmien fil-proċeduri.
“Ċertu każijiet nifhmu li huma problematiċi. Min huwa ġenwin iżda ma jagħmilx sens li nħalluh f’dak l-istadju t’appell,” qal Abela.
Mistoqsi dwar x’jista’ jsir biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata, Abela qal li waħda mill-fatturi hi li nsaħħu l-kapaċità tal-Bord tal-Appell b’tali mod li l-kawżi li ilhom pendenti jinqatgħu fi żmien qasir. Soluzzjoni oħra li tkellem dwarha Abela hi li bħalma ġara fi Spanja, tingħata amnestija ġenerali ta’ darba biex dawn il-ħaddiema jkunu regolarizzati.

