Monday, December 23, 2024

Is-sitwazzjoni tal-Covid-19 fl-Ewropa tkompli titjieb

Aqra wkoll

Bil-każi ġodda ta’ infezzjonijiet u mwiet f’pajjiżi Ewropej milqutin mill-Covid-19 jonqsu, il-pandemija tal-coronavirus qed turi sinjali inkoraġġanti li qed tbatti fil-kontinent Ewropew.

Fi Spanja lbieraħ il-Ministeru għas-Saħħa rrapporta 410 każi ta’ mwiet kaġun tal-coronavirus, li huma 155 każ inqas mill-565 każ rapportati nhar is-Sibt li għadda. Din hija l-inqas żieda reġistrata fil-każi ta’ mwiet fi Spanja matul dan l-aħħar xahar, bit-total kumplessiv tal-vittmi jammonta għal 20,453.

L-Italja wkoll rat tnaqqis fin-numru ta’ mwiet reġistrati, b’433 każ rapportati lbieraħ, l-inqas rata ta’ mwiet f’ġimgħa. Dan filwaqt li n-numru ta’ każi ta’ infezzjonijiet ġodda lbieraħ ammontaw għal 3,047, li jfisser tnaqqis ta’ 444 każ mill-jum preċedenti.

Din il-fażi tal-pandemija fil-pajjiż qed turi numri ferm inqas mill-eqqel tal-pandemija li kien reġistrat lejn l-aħħar ta’ Marzu. Madankollu t-tnaqqis fin-numru ta’ każi mhuwiex qed jipproċedi b’rata mgħaġġla daqs kemm wieħed kien qed jittama f’pajjiż li ilu għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat fi stat ta’ lockdown.

Ta’ min jinnota li l-jum tal-bieraħ kien l-ewwel darba sa minn Frar li għadda li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Taljan ma żvolġiex il-konferenza tal-aħbarijiet li solitament tiżvolġi kuljum, f’sinjal ieħor li s-sitwazzjoni qed titjieb.

Fi Franza il-Prim Ministru Edouard Philippe kkonferma li s-sitwazzjoni tal-coronavirus fi Franza wkoll qed titjieb. F’konferenza tal-aħbarijiet Philippe qal li n-numru ta’ pazjenti f’kura intensiva naqset għall-11-il jum konsekuttiv, sinjal inkoraġġanti li l-pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa qed tkompli ttaffi.

Madankollu qagħad lura milli jgħid li l-miżuri ta’ lockdown se jkunu qed jittaffew, speċjalment hekk kif vaċċin biex jilqa’ kontra l-virus għadu ’l bogħod milli jiġi prodott.

Ekonomija

Sport