Saturday, December 21, 2024

“Is-sitwazzjoni tal-familjari tagħna hi iebsa imma taħt kontroll” – Vasyl Nazaruk

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħid li l-Gvern Russu għadu ankrat mal-passat

Il-gwerra fl-Ukrajna daħlet fis-sitt jum tagħha. Gwerra li rajniha tibda bl-invażjoni mill-armata Russa minn diversi partijiet. L-avvanzi tal-ewwel sigħat, urew mill-ewwel x’inhuma l-intenzjonijiet tar-Russi, iżda mbagħad aktar m’għadda ħin, aktar bdiet tidher li l-Ukreni bdew jirreżistu l-invażjoni Russa. Rajna l-militar Ukren, iwettaq attakki fuq konvojs Russi b’xi wħud jinqerdu kompletament. Apparti dan bdiet tispikka r-reżistenza mill-poplu Ukren. Spikkat l-għaqda bejn il-poplu Ukren fejn nies minn oqsma li m’għandhomx x’jaqsmu mal-militar, irritornaw fil-pajjiż biex jiddefendu lil pajjiżhom. 

Is-sitwazjoni fl-Ukrajna xejn x’hi faċli għaċ-ċittadini. Ħafna nisa u tfal ħarġu mill-pajjiż jew marru f’żoni aktar siguri. Oħrajn inqaflu f’postijiet siguri, jew fi djarhom. Spikkaw filmati ta’ kjuwijiet kbar ta’ nies biex jixtru l-ikel u mediċini.

Talk.mt tkellem ma’ Vasyl Nazaruk, raġel Ukren li ilu jgħix Malta diversi snin. Ma tistax ma tistaqsihx fuq il-familjari tiegħu fl-Ukrajna u kif qed iħares lejn dan il-kunflitt.

Vasyl jgħidilna li “il-familja tiegħi fl-Ukrajna. Is-sitwazzjoni hi waħda iebsa imma tinsab taħt kontroll. Pajjiżna jinsab fi gwerra mar-Russja, li ddeċidew li jattakkawna. Il-familja tiegħi tinsab tajba. Għaddej f’kuntatt kontinwu magħhom. Ma esperjenzajtx ebda problema biex nagħmel kuntatt u nitkellem magħhom”. 

Ninsab ċert li Malta se tagħti kenn lil Ukreni f’Malta

Nistaqsuh dwar il-possibilità ta’ persuni Ukreni li jkollhom bżonn kenn f’pajjiżna, fejn hu jgħidilna li “ninsab ċert li Malta taċċetta li tagħti kenn lil persuni Ukreni. Malta hi pajjiż żgħir. Ngħid imma li l-Maltin huma qalbhom kbira.  Il-Maltin taw u se jkunu qed jagħtu kenn lil persuni Ukreni.  Nemmen li dan iseħħ”. 

“Il-Gvern Russu għadu ankrat mal-passat”

Quddiem il-fatt li l-Ukreni u r-Russi bħala poplu għandhom rabtiet mill-qrib ma’ xulxin, tant li anke fir-Russja hemm movimenti qawwija kontra din il-gwerra, b’għadd ta’ protesti fi bliet Russi kontra l-invażjoni, Vasyl qalilna li “jien naħseb li l-probema hi li l-Gvern Russu għadu ankrat fil-passat.  Moħħhom għadu jgħix fil-passat. Għadhom qed jaħsbu li qegħdin fl-Unjoni Sovjetika. Iridu jifhmu li l-Ukrajna issa ilha għal aktar minn 30 sena pajjiż indipendenti u mhix parti mill-Unjoni Sovjetika jew mir-Russja kif qed jaħsbu”.

Malta hi t-tieni dar tiegħi

Vasyl jgħidina li “jien ilni ngħix f’Malta għal dawn l-aħħar sitt snin. Lil Malta inqisha it-tieni dar tiegħi. Il-Maltin  kienu u huma akkoljenti ħafna. Jilqgħuk b’idejhom miftuħin. L-appell tiegħi hu wieħed. Kunu dak li intom. Temmnux informazzjoni li tixxandar minn persuna waħda. Il-gwerra inbdiet mir-Russja imma aħna l-Ukrajni se ntemmu fi żmien qasir.  Li qed nitolbu hu biss li n-nies, it-tfal u l-anzjani, jgħaddu dan iż-żmien diffiċli”. 

Ekonomija

Sport