Tuesday, May 14, 2024

Struttura perikoluża max-xatt ta’ Tas-Sliema

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Triq li jgħaddu minn fuqha u min-naħa t’isfel in-nies b’pilastri msaddin u xorok mikxuf

Talk.mt mar Qui-Si-Sana, fix-xatt ta’ Tas-Sliema, fejn innotajna li parti mill-bankina li minn fuqha, kif ukoll minn taħtha, jgħaddu n-nies, tinsab fi stat deterjorat għall-aħħar. Il-pilastri ta’ din l-istruttura huma msaddin ħafna u minn taħt, ix-xorok huwa viżibbli wara li therra l-konkos u waqa’. Fl-istess żona, hemm ukoll toilet li kien sgassat minn xi ħadd u l-istat tiegħu huwa ta’ ħmieġ esaġerat.

Dan is-sit bagħat mistoqsijiet u ritratti tal-imsemmija struttura u toilet kemm lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, kif ukoll lill-Infrastructure Malta. Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema infurmana li mhuwiex responsabbli għall-manutenzjoni tal-prominad u tax-xatt li jdawwar il-lokalità. 

Fir-risposta tagħha, is-Sindku Graziella Attard Previ qaltilna li, “madankollu, is-sena l-oħra u erġajna din is-sena f’Jannar 2022, ġbidna l-attenzjoni tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet dwar l-istat li tinsab fih l-istruttura u l-pilastri li hemm fi Qui-Si-Sana u li dawn jistgħu jkunu ta’ periklu. Is-sena l-oħra d-Dipartiment tax-Xogħlijiet wettaq xi testijiet fuq din l-istruttura u fuq il-pilastri u qegħdin nistennew li x-xogħlijiet meħtieġa jitwettqu mill-aktar fis”. 

L-Infrastructure Malta min-naħa tagħhom qalulna li l-prominad indikat inbena madwar 13-il sena ilu u kkonfermaw li t-tiswijiet tiegħu u ta’ strutturi simili max-xatt ta’ Tas-Sliema, isiru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Grazzi għall-intervent ta’ dan il-sit li indika dan il-periklu, l-Infrastructure Malta għaddiet l-osservazzjonijiet tagħna lill-istess Dipartiment “biex jieħdu l-passi meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa pubblika”.

Rigward it-toilet sgassat li jinsab fi stat mhux xieraq fejn fih anke hemm anke ħmieġ uman, il-Kunsill ta’ Tas-Sliema qalilna li dan jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Is-Sinku qaltilna li minħabba l-maltemp li jaħkem liż-żona fix-xitwa, “dan it-toilet jingħalaq bejn Ottubru u Mejju. Fil-fatt bħalissa huwa magħluq. Fix-xhur li jkun miftuħ, jaqa’ taħt il-kuntratt ta’ tindif ta’ toilets li għandu l-Kunsill”. 

Dwar dan, nikkonfermaw li r-ritratt hawn ippubblikat ittieħed, il-ġimgħa l-oħra, eżattament fl-24 ta’ Frar 2022 u juri li t-toilet fil-fatt huwa miftuħ u fl-istat deskritt hawn fuq. 

Nittamaw li kemm id-Dipartiment tax-Xogħlijiet, kif ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema jieħdu l-azzjoni meħtieġa skont l-affarijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tagħhom.

Sport