Saturday, October 26, 2024

“Is-soċjetà għandha tagħraf l-importanza tal-MCESD u tkun involuta”

Josef Bugeja, waqt laqgħa tal-GWU maċ-Chairperson il-ġdid tal-MCESD

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Perit David Xuereb, ilbieraħ kellu laqgħa kordjali mal-amministrazzjoni ċentrali tal-General Workers’ Union. Din il-laqgħa saret wara li l-Perit Xuereb inħatar bħala Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u billi l-GWU hi waħda mill-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill.

Fil-kummenti tiegħu, iċ-Chairperson tal-MCESD qal li x-xogħol li jsir fi ħdan il-Kunsill huwa wieħed riċerkat u konverġenti fl-istess waqt li jagħti valur lis-soċjetà inġenerali, anke billi jsiru rakkomandazzjonijiet lill-Gvern.

“Irridu naħdmu dejjem aktar sabiex ikollna l-infomazzjoni fuq kull suġġett b’mod li jkun fil-ħin u rilevanti sabiex bħala msieħba soċjali nagħtuh tassew valur,” qal il-Perit Xuereb li nsista wkoll fuq il-ħtieġa li jkun hemm aktar ‘reach out’ b’saħħtu sabiex in-nies jipparteċipaw ukoll permezz tal-imsieħba soċjali ħalli dak li jintqal lilhom jitessaq quddiem l-MCESD sabiex ikun ikkunsidrat.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-unjin taqbel mal-viżjoni taċ-Chairperson tal-MCESD, u saħaq li d-djalogu soċjali huwa wieħed mill-aktar għodod importanti ta’ suċċess li għandu pajjiżna.

“Dan joħroġ ukoll mid-diskussjonijiet li jkun hemm, mill-proposti mressqa mill-imsieħba soċjali li finalment jiddaħħlu fil-budget. Diskussjonijiet fuq temi oħrajn fosthom is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-pass li jmiss huwa li s-soċjetà tagħna tagħraf l-importanza tal-MCESD u tkun involuta,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Preżenti għal din il-laqgħa, li saret fil-Workers’ Memorial Building, kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju tal-GWU Kevin Camilleri.

Sport