Saturday, December 21, 2024

“Is-solitudni anke lili tbeżżagħni… tgħallimt is-sinjali għax nemmen ħafna fl-inklużjoni”

Aqra wkoll

Jekk kien hemm kanzunetta waqt il-festival Mużika Mużika li għalkemm ma ħarġitx fuq in-naħa rebbieħa hekk kif ikklassifikat fit-tielet post, ħalliet impatt liema bħalu fuq kull min semagħha, m’hemmx dubju li li din kienet ‘Ġmielek’ ta’ Claudia Faniello. Fl-interpretazzjoni ta’ din il-kanzunetta Claudia irnexxielha tuża l-lingwa tas-sinjali, xi ħaġa li messet il-qlub ta’ bosta. Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Claudia fejn talabha x’kien l-għan aħħari tal-kanzunetta.

“Ovvjament l-għan tal-kanzunetta kien, għadu u jibqa’ dak li jolqot lil kulħadd għax il-messaġġ ta’ ‘Ġmielek’ huwa dwar l-inklużjoni 360 degress jiġifieri mhux l-inklużjoni biss dwar kif narawha aħna iżda anke ta’ dawk li huma direttament involuti u ovvjament xtaqna li l-messaġġ speċjalment ir-ritornell tal-kanzunetta jinftiehem minn kulħadd u ma ninsew lil ħadd – ma kinixt sempliċiment gimmick. Jien naħdem fl-inklużjona jiġifieri ngħixha ta’ kuljum u xtaqt li namalgama x-xogħol li nagħmel mal-artistiċità tiegħi bħala kantanta u ma’ dak li nħoss li hemm bżonn li jitwassal fis-soċjetaá inġenerali. Hija kanzunetta verament reali; inkitbet fuq realtajiet li tassew niltaqgħu magħhom.

Mistoqsija dwar is-solitudni u kemm temmen li hija kbira din il-problema f’pajjiżna Claudia qalitilna li temmen li hija problema kbira.

“Ħafna! Jien meta ġieli kienu jistaqsuni waqt xi intervista dwar x’kienet l-ikbar biżá tiegħi kont inwieġeb li hija s-solitudni u hija reali wkoll u eżistenti ħafna. Jien irċevejt ħafna messaġġi bħalma għidt is-Sibt lil hinn mir-riżultat li jiena kuntenta bih, il-messaġġi li rċevejt ta’ nies li jien ma nafhomx huwa inkredibbli. Jien inħossni mċekkna b’dan kollu. Għalija ‘Ġmielek’ waslet. Persuna li qiegħda waħedeha jew li għaddejja minn żmien ħażin u tgħidlek Claudia ma nafekx minn Adam imma lili missejtni – għalija xogħli għamiltu!”

Tlabna lil Claudia rigward il-fatt li nterpretat ‘Ġmielek’ bil-Lingwa tas-sinjali u kif irnexxielha titgħallimha proprju fi ftit żmien. 

“Dejjem kienet tinteressani ovvjament minħabba x-xogħol tiegħi u xi snin ilu għamilt proprju eżami għamilt music video tal-Junior Eurovision bil-lingwa tas-sinjali u dejjem kont ngħid li xi darba nagħmel xi ħaġa f’xi wirja minn tiegħi u waslet dik il-ġurnata u Ġmielek minħabba l-messaġġ tagħha wkoll kienet proprju xierqa li tiġi ppreżeantata  b’dan il-mod. Iva fi ftit żmien imma kelli għalliema tajba insemmiha minn hawnhekk Rita Portelli li għallmitni hi… nittama li għamiltha kuntenta bil-prestazzjoni tiegħi u għalija kienet punt indimentikabbli fil-wirja tiegħi.”

F’messaġġ konklussiv hija qalitilna li “L-aħħar messaġġ jien ovvjament ma nistax inkun preżenti fiżikament fid-dar ta’ kulħadd u s-solitudni nħossha anke jien kultant, ġieli anke meta tkun imdawwar bin-nies tħossha. Dan hu sentiment li kulħadd jgħaddi minnu peró l-fatt li nsemmuha u nitkellmu fuqha ma nistħux mhix xi ħaġa tal-mistħija din li tħossok waħdek hija reali hija parti mill-ħajja… jien ok qed tarani fuq il-palk li qed inkantalek iżda jien m’iniex omnipotenti. Dak il-fatt li s-sentiment titkellem fuqu u tgħaqdu mas-sentimenti li għaddejjin minnu nies oħra jġib il-ġabra.”

Ekonomija

Sport