Monday, May 13, 2024

“Is-solitudni mhix problema tal-anzjani biss. Ħtieġa ta’ azzjoni dwar it-tkissir taż-żwiġijiet.”

Aqra wkoll

Raġel separat mifni bis-solitudni jitlob azzjoni biex iż-żwiġijiet ma jkomplux jitkissru

Minn Carmen Cachia

Is-solitudni hija waħda mill-affarijiet mistura wara l-bibien magħluqa fid-djar ta’ ħafna persuni li jgħixu fid-dwejjaq waħidhom. Din il-ġerħa personali, li ħafna jassoċjawha mal-anzjani, fis-soċjetà qiegħda dejjem tiżdied u faxxa kbira ta’ persuni mifnija b’din il-pjaga huma l-persuni sseparati li filli jkollhom familja, filli jispiċċaw waħidhom iħarsu bejn erba’ ħitan bla wens ta’ ftit kumpanija. Inewsmalta għamel intervista ma’ raġel isseparat li ftit tas-snin ilu martu telqitu u wliedu ma jridux jafu aktar bih. Din is-sitwazzjoni waslitu biex jibda jsofri minn solitudni inkonsolabbli sal-punt li jħossu ddisprat u bla ebda raġuni valida biex ikompli jikkombatti mal-ħajja u jgħix.

“Inħossni indannat għax m’inix insib wens. L-aħħar li rajt lit-tlett itfal tiegħi kien f’Marzu li għadda u f’dan iż-żmien lanqas telefonata ma kelli mingħandhom,” beda jirrakkonta Eman. Dan ir-raġel, li għandu ftit aktar minn 50 sena, huwa missier ta’ tliet adoloxxenti u ilu mill-2016 jgħix waħdu wara li tkissirlu ż-żwieġ. 

Huwa jgħidilna kif minn dakinhar ħajtu spiċċat fix-xejn u li d-dar jużaha biss biex jorqod minħabba s-solitudni li taqbdu meta jidħol u jagħlaq il-bieb warajh.

Żmien il-festi huwa l-agħar żmien…

Fi żmien il-festi s-solitudni taħkem aktar minn ġranet oħra iżda din ir-realtà kiefra tinħass tul is-sena kollha, ta’ kuljum u f’kull ħin fil-persuni li jbatu minnha. Eman jgħidilna kif għalih l-agħar żmien tas-solitudni huwa dak tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena u l-agħar ħin tal-ġurnata huwa bil-lejl. Tant huwa hekk, li matul il-ġurnata huwa jara kif “jaħrab” ‘il barra mid-dar billi joqgħod idur u jaqgħad imma, “il-lejl huwa ikrah”. 

Rigward iż-żmien ta’ ċelebrazzjonijiet li għadhom kemm għaddew, Eman komoss qalilna li, “tara lill-familji magħquda u jien imfarrak. Inħossni mweġġa’ ħafna u s-solitudni hija akbar għax tlift familja li tant kont inħobb u nistinka għaliha. Inħoss swidija kbira u moħħni fit-tfal”.

Id-dar jużaha biss biex jorqod minħabba s-solitudni li taqbdu meta jidħol u jagħlaq il-bieb warajh…

Dan ir-raġel isseparat qal li meta kien għadu miżżewweġ, fi żmien il-Milied kien jilbes ta’ Santa Klaws biex iferraħ lil uliedu u kienu jieħdu vidjows bħala rikordju. “Tarahom jifirħu… kont niggustahom,” kompla Eman. B’dieqa dan ir-raġel qal li minn twelid uliedu, huwa dejjem kien iqatta’ dawn il-festi magħhom iżda dan l-aħħar Milied, kien l-ewwel wieħed li ma rahomx u ma tahom ebda rigal. Din hija weġgħa kbira mmens għalih għax din il-festa kienet tfisser ferħ fil-familja tiegħu. 

“Għalhekk f’dan il-perjodu tiftakar iżjed u l-affarijiet tħosshom doppji. Dan il-Milied tlaqt ftit kmieni mix-xogħol u mort l-għalqa waħdi. L-istess għamilt fl-Ewwel tas-Sena. Xi tridni nagħmel? Hemm biss insib wens,” kompla Eman.

Problema akbar fost is-separati

Huwa qal li pajjiżna far b’ġenituri waħidhom bħalu u jemmen li dan in-numru għad irid jiżdied ferm aktar. Hawnhekk Eman saħaq fuq l-importanza li l-Gvern jagħmel xi ħaġa konkreta biex ikunu salvati ż-żwiġijiet billi jlaqqa’ lill-koppji ħalli, b’għajnuna professjonali, jaraw x’inhuma l-problemi u jsolvuhom. 

“Jibgħat għall-koppji u jara x’inhu jiġri. Kulħadd jitkisser għax hemm preparazzjoni għat-tieġ u mhux għaż-żwieġ. Lili kollox kontra ġieni. Tħossok waħdek, sulu. Imma din it-tbatija li għaddej minnha… Qisu ħadd ma jifhmek. Uliedi ma jridux jafu bija u jien nixieq li jkunu jafu l-verità mingħandi. Se jgħaddi ħafna żmien u l-għasfur jilħaq jitlaq. Għalxejn imbagħad fi xjuħti jiġu, għax ikun tard wisq,” sostna Eman.

Dan ir-raġel, mill-esperjenza tiegħu u minn dak li jara jiġri madwaru, jemmen li s-sistema preżenti mhix tieħu ħsieb in-nukleju tas-soċjetà – li hija l-familja. Is-solitudni, skont huwa, mhix problema tal-anzjani biss, iżda hija problema akbar fost is-separati, b’mod speċjali fl-irġiel bħalu.

“Ikollok mara oħra, xorta lil tiegħek tibqa’ tħoss għax ladarba raġel ikun kuntent, darba jħobb”

“Fil-pajjiż hawn diżastru. Kuħadd qiegħed jitkisser minħabba l-internet u l-Facebook. Ġieli bid-dwejjaq tkun trid ittemm ħajtek għax kulħadd jgħidlek biex tagħmel kuraġġ u ħadd ma jifhmek. Ħafna jgħiduli li m’inix waħdi u li issa moda… qisu kulħadd jidħak bik u xejn m’hu xejn,” qal imbikkem Eman.

“Inkun qisni annimal waħdi”

Huwa qal li jipprova jiġġieled is-solitudni iżda din hija ħaġa diffiċli ħafna. Jistaqsi lilu nnifsu x’jaqbad jagħmel imma jaf li t-triq tas-sakar u l-logħob m’humiex soluzzjoni biex jinsa jew iħossu aħjar. “Ikolli ħafna ħsibijiet koroh u mhux ta’ min jgħidhom. Nifga fija għax waħdek tkun imdejjaq. Meta mmur id-dar inkun qisni annimal waħdi,” stqarr bid-dmugħ f’għajnejh Eman. 

Dan ir-raġel jammetti li għandu xi ħbieb imma jgħid ukoll li l-ħbieb ma jistgħux ikunu miegħu l-ħin kollu. Huwa tant iħossu mdejjaq li riċentement qata’ anke d-delizzju tal-kaċċa li kellu minħabba li, “moħħok ma jibqax jagħtik u m’għadni nagħti kas ta’ xejn. Jien spiċċajt. Moħħok il-ħin kollu hemm ikun… Fit-tfal”.

Eman jagħti lill-eks mara tiegħu manteniment ta’ kull xahar u mill-paga ftit li xejn jibaqgħlu biex jgħix u jħallas lill-avukat. Dan ifisser li għalih m’hemmx lok għal ftit ħruġ jew li jaqbad xi delizzju biex iderri. Huwa lanqas biss jitħajjar jibda ħajja ġdida ma’ mara oħra. Dan minħabba li għalih, minkejja li għadu fiż-żmien li jista’ jibda kapitlu ġdid f’ħajtu, m’hemm ħadd ħlief dik il-familja li kellu u bid-dmugħ f’għajnejh jistqarr li għajr huma, ma jrid jaf b’ħadd.

Minkejja l-attentati kollha tiegħu biex jerġa’ jgħaqqad lill-familja billi jirranġa ma’ martu, huwa qal li s-sistema preżenti fil-pajjiż m’hiex tgħin biex il-familji jibqgħu magħquda. Anzi, il-mod kif isiru l-affarijiet, fejn qisu xejn m’huwa xejn, qiegħed iwassal biex aktar familji jitfarrku. 

Huwa li tilef żwieġ ta’ snin twal mhux biss b’separazzjoni mitluba minn martu, imma anke b’annullament mill-Knisja, iħoss lid-dinja waqgħet fuqu u li ma jistax jirkupra. Eman rigward l-ammont ta’ separazzjonijiet f’Malta sostna li, “kemm hawn u kemm għad irid ikun hawn. Il-Gvern irid jagħmel xi ħaġa dwar dan, mhux xejn u dan qabel ikun tard wisq”. 

Is-solitudni trid tiffaċċjaha ta’ kuljum u waħdek…

Wara s-separazzjoni Eman kien jattendi tip ta’ terapija iżda stqarr li minkejja li mar biex jiftaħ qalbu, ma ħassux aħjar għax, “ma tistax tfieq minn ġerħa bħal din u s-sitwazzjoni tas-solitudni fir-realtà trid tiffaċċjaha ta’ kuljum u waħdek. Il-familja kienet l-hena tiegħi u issa almenu, qiegħed nitlob li nkun nista’ ngawdi ftit lit-tfal. Jekk jiġrili xi ħaġa bil-lejl ħadd ma se jkun jaf. Nista’ ntemm ħajti u ma jindunawx”.

Ħajjet Eman saret monotona fejn joqgħod idur u jaqgħad bil-karozza fit-toroq minħabba li m’għandu lil ħadd jistennih id-dar. Huwa qal li lil ommu ma jgħidilha b’xejn għax ma jridx jinkwetaha minħabba li hija anzjana. Barra minnhekk, minħabba l-pandemija tal-Covid-19, lanqas biss jista’ jmur jaraha ftit minħabba li jibża’ li, “noqtolha bil-virus”. 

Eman stqarr li l-uniku sens ta’ wens li jsib huwa fil-kwiet fl-għalqa tiegħu. Din is-sitwazzjoni f’ħajtu waslitu biex riċentement jieħu l-pass estrem li jaqleb it-testment tiegħu għal organizzazzjoni tal-annimali. 

“Tkun imdejjaq waħdek. Sirt ma nitħadditx man-nies u nippreferi noqgħod maqtugħ għalija. Jien mhux nistrieħ jew neħles mill-qorti rrid, iżda lill-mara u lit-tfal lura. Dik verament twaqqaf is-solitudni li qiegħed inħoss,” temm Eman.

Nota: Eman huwa isem fittizju li ngħata għall-finijiet ta’ anonimità minħabba n-natura delikata familjari li jinsab fiha dan ir-raġel.

Sport