Sunday, December 22, 2024

Is-Soup Kitchen OFM Valletta rikonoxxuta bil-Premju taċ-Ċittadin Ewropew 2023

Aqra wkoll

F’ċerimonja l-Ġimgħa 8 ta’ Settembru filgħaxija li saret fis-Soup Kitchen stess, il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa ppreżenta l-midalja tal-Premju lill-Fundatur tas-Soup Kitchen OFM Patri Marcellino Micallef.

“Is-Soup Kitchen hija linja ta’ salvataġġ għal dawk fil-periferija tas-soċjetà, u ftit daqs Patri Marcellino jistħoqqilhom rikonoxximent tar-rispett li jagħti lid-dinjità ta’ tant persuni. Il-Premju taċ-Ċittadin Ewropew ifakkarna fid-dover tagħna li naġixxu bis-sens ta’ ġustizzja soċjali fuq l-eżempju tiegħu,” qal il-MPE David Casa, li nnomina s-Soup Kitchen għall-Premju ta’ din is-sena. 
Fr Marcellino, li jmexxi s-Soup Kitchen, enfassizza l-valur tal-ħajja ta’ servizz u tal-kompassjoni, u l-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà.

“Għalaqna sentejn mindu ftaħna l-bibien tal-Kċina Franġiskana u offrejna mhux biss ikel imma wkoll diversi servizzi oħrajn lil aktar minn 50,000 persuna,” qal Patri Marcellino. “Fl-impenn bla jaqta’ xejn tas-Soup Kitchen OFM Valletta, qed niltaqgħu ma’ persuni li għandhom isem u wiċċ. Qed nagħtuhom vuċi, nisimgħu l-istorja tagħhom, nitgħallmu mill-esperjenzi tagħhom u nippruvaw nifhmu l-ħtiġijiet tagħhom. Dawn mhumiex stampi li jqanqluna għal ftit ħin, imma persuni tad-demm u l-laħam, il-ġirien tagħna, li spiss jisfaw imwarrbin. Il-kilba għall-flus qed tagħmel ħafna ħoss, waqt li qed jisfaw imsikktin l-ilħna ta’ dawk li qed ibatu l-faqar”.
Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Dr Mario Sammut faħħar il-ħidma ta’ Patri Marcellino u t-tim ta’ voluntiera tiegħu li b’altruwiżmu kbir jiddedikaw ruħhom għall-oħrajn u jagħtu dinjitá u valur lil kull min jersaq lejhom. Huwa ddeskriva s-Soup Kitchen OFM Valletta bħala l-aqwa eżempju tal-valuri tajbin, tas-solidarjetá, u l-integrazzjoni li l-Premju taċ-Ċittadin Ewropew ifittex li jippromwovi.    

Din kienet iċ-ċerimonja tal-għoti ta’ dan il-premju f’Malta, organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Il-premju jingħata f’kull Stat Membru tal-UE u r-rebbieħa mill-pajjiżi kollha se jkunu onorati f’ċerimonja ċentrali tal-għoti tal-premju fil-Parlament Ewropew fi Brussell fis-7 ta’ Novembru.

Ekonomija

Sport