Saturday, May 18, 2024

ARA: “Fly with Love”… il-karru li se jintuża waqt il-Pride March

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ilu jaħdem fl-arti tal-karrijiet għal dawn l-aħħar 35 sena. Xogħol li jagħmlu b’impenn u dedikazzjoni kbira tant li minn sena għall-oħra dejjem joħroġ b’kunċetti ġodda u innovattivi filwaqt li joffri spettaklu liema bħalu bil-kapaċitajiet artistiċi tiegħu. 

Din is-sena però Charles Briffa, magħruf bħala “Charlie tal-Banda”, qiegħed jaħdem fuq karru ieħor, li din id-darba se jkun qiegħed jintuża f’avveniment ieħor importanti, il-EuroPride Valletta 2023. Dan il-karru li ngħata l-isem “Fly with Love” fil-fatt se jiżżanżan waqt il-Pride March ta’ nhar is-Sibt li ġej. 

Dan is-sit ilbieraħ tkellem ma’ Briffa, li wriena wkoll f’hiex wasal ix-xogħol fuq dan il-karru. Huwa spjega li kien iltaqa’ mal-organizzaturi tal-EuroPride u dawn min-naħa tagħhom kienu wrew ix-xewqa li jsir karru għall-Pride March. 

“Meta tkun qed taħdem fuq biċċa xogħol bħal din, l-ewwel nett għandek bżonn it-trailer, tara l-istruttura tiegħu, l-aspetti marbuta mas-saħħa u s-sigurtà u anke l-organizzaturi x’għandhom bżonn.

“Peress li l-EuroPride qed issir f’Malta din is-sena, li hija festa ta’ mħabba, kont tajthom l-opinjoni tiegħi u għedtilhom: għax ma nagħmlux xi ħaġa li meta tkun fl-imħabba tkun qisek qed ittir bħal farfett? U minn hemm ħarġet l-idea ta’ Fly with Love,” qal Briffa. 

Il-ħidma fuq dan il-karru bdiet proprju fil-bidu t’Awwissu li għadda. Għalkemm huwa karru żgħir fid-daqs, xorta waħda jirrikjedi ċertu ħsieb u dettall. F’dan il-karru ma jonqsux ukoll il-kuluri tal-qawsalla, li huma sinonimi mal-komunità LGBTIQ+. 

“B’kollox qegħdin jiena u tlieta oħra naħdmu dan il-karru. Niġu wara l-ħin tax-xogħol. Nagħtu s-siegħa tax-xogħol tagħna u xħin ngħajjew immorru lura lejn id-dar,” qal Briffa.

Fl-aħħar nett tlabnieh jgħaddi l-messaġġ tiegħu lill-qarrejja tagħna b’rabta mal-EuroPride. Enfasizza li: “Ġejjin ħafna nies minn barra. Se jkun hawn ċertu kummerċ u attivitajiet madwar il-pajjiż kollu. Nittamaw li l-poplu jkun matur biżżejjed u rridu naċċettaw ir-realtà li kulħadd jifhem lil xulxin.”

Sport