Noeli Castillo Ramos ġiet stuprata f’żewġ okkażjonijiet, waħda mill-eks sieħeb tagħha u l-oħra minn grupp ta’ tliet subien fl-2022. Wara, hija ippruvat tneħħi ħajjitha b’idejha.
It-tentattiv tagħha ħallieha paralizzata minn qaddha ’l isfel, kienet qed tbati wkoll minn mard serju mingħajr ebda possibbiltà ta’ titjib, skont ir-rapporti mediċi tagħha.
Noelia, li hija minn Barċellona, Spanja, mietet bl-ewtanasja nhar il-Ħamis.
Il-mewt tagħha saret wara battalja legali twila ma’ missierha, li ntemmet b’deċiżjoni favur Noelia mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Noelia qalet lill-programm televiżiv Spanjol Y Ahora Sonsoles li “Irrid immut issa fil-paċi u nieqaf inbati”. Noelia stqarret li kienet ċara ħafna dwar ix-xewqa tagħha mill-bidu.
“Ħadd mill-familja tiegħi mhu favur l-ewtanasja. Imma xi ngħidu għall-uġigħ kollu li sofrejt matul dawn is-snin kollha” qalet.
Anke qabel ma talbet l-ewtanasja, hija esprimiet li dejjem ħassitha waħedha u rat id-dinja bħala waħda mudlama ħafna, spjegat ukoll li kellha uġigħ f’daharha u f’riġlejha kif ukoll kemm kien diffiċli biex torqod.
Ommha qalet lil xandar Spanjol li xtaqet li bintha tbiddel fehmha, u li tkun maġenbha sal-aħħar.
Noelia qalet li filwaqt li kienet stiednet lill-familja tagħha biex isellmulha, kienet tippreferi tkun waħedha fil-kamra tas-sodda tagħha fil-faċilità tal-kura fil-ħin tal-ewtanasja tagħha.
Noelia kienet ilha f’kura psikjatrika minn mindu kellha 13-il sena u l-ġenituri tagħha sseparaw. Wara, kienet ġiet iddijanjostikata b’disturb ossessiv-kompulżiv (OCD) u disturb tal-personalità Borderline (BPD).
Noelia rriflettiet fuq iż-żmien meta missierha raha tipprova tneħħi ħajjitha b’idejha, u qalet “ma nħossnix ħasra għalih” wara referenzi għall-isfida legali tiegħu biex iwaqqaf l-ewtanasja tagħha.
“Ma rrispettax id-deċiżjoni tiegħi u qatt mhu se jirrispettah.”

