Monday, September 8, 2025

‘Is-suċċess fil-futbol mhux biss ir-riżultat tal-logħba iżda l-effett globali li jħalli f’ħajtek’ – Owen Vassallo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet meta kont nara l-logħob Ingliż, speċifikament il-Liverpool ma’ missieri fil-weekends, fejn ma konniex nitilfu logħba. Wara żidt l-interess għax kont nilgħab ma’ sħabi l-iskola u anke l-pitch tal-5-a-side ta’ ħdejn il-bandli. Wara li ġennint lill-ġenituri tiegħi, kont inktibt ma’ Pembroke Athleta FC, iżda sfortunatament kont ksirt idi l-bandli u kelli nieqaf għal sitt ġimgħat.

Għalhekk meta għaddieli, kienu kitbuni mal-Mosta FC fejn qattajt il-maġġoranza ta’ tfuliti nilgħab il-futbol. Ovvjament iktar m’għadda ż-żmien, l-imħabba tiegħi lejn dan l-isport baqgħet dejjem tikber.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tieghek ma’ Mġarr United FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Mġarr United FC kienet dejjem pożittiva minn mindu bdejt nilgħab magħhom. Wara snin nilgħab mal-Mosta FC, meta kont U17, iddeċidew li kien ikun aħjar li mmur b’self mal-iMġarr. Għamilt sena b’self, u tant ħassejtni milqugh li ddeċidejt li nagħmel dan it-trasferiment wieħed permanenti u b’hekk minn dak l-istaġun bqajt dejjem nilgħab ma’ Mġarr United FC. L-atmosfera madwar il-plejers hija dejjem waħda pożittiva u ħadd ma jitħalla barra u aħna kollha magħqudin. Kull kowċ li kelli wkoll dejjem għamel l-almu tiegħu kollu biex aħna nsiru aħjar bħala plejers.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda kien wieħed mill-aqwa. Minħabba li kollha konna magħqudin u lgħabna għal xulxin, ksibna riżultati eċċellenti għalina u għall-klabb. Mġarr Minors lgħabna f’Section C. Il-kompetizzjoni kienet waħda tajba ħafna iżda rnexxielna nirbħu l-kampjonat mingħajr ma tlifna logħba wkoll. B’hekk ksibna l-promozzjoni għal Section B. 

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?

Qed inħarsu lejn l-istaġun li ġej b’mod veru pożittiv għax jekk nibqgħu nilagħbu kif qed nagħmlu bħalissa u nibqgħu nemmnu fina nfusna, nemmnu li nistgħu nerġgħu nġibu riżultati pożittivi. Din is-sena se nagħmlu ħilitna kollha biex anke nerġgħu niġu promossi. Fl-ewwel logħba tal-istaġun bdejna b’rebħa kontra Zebbug Rangers FC.

Kif tqis il-livell tal-futbol f’pajjiżna fil-preżent?

Dejjem qed jitjieb matul iż-żmien, iżda jekk tqabblu mal-livell ta’ barra minn Malta tidher id-differenza. Nemmen li jrid isir iktar investiment fil-plejers żgħażagħ Maltin fejn dawn ukoll jingħataw aktar possibiltajiet biex imorru jilagħbu barra minn Malta biex anke jtejbu l-esperjenzi tagħhom fil-futbol.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Iktar ma jgħaddi żmien, iktar dejjem qed jiġu żviluppati u jsiru aħjar, iżda bħalissa hemm ċerti positijiet li nilagħbu fihom, li jistgħu ikunu aħjar. Ċerti pitches ma jinżammewx ‘up to standard’ u dan anke jista’ jwassal għal aktar injuries għall- plejers tagħna. 

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?

Il-mentalitá hija li l-isport huwa importanti għal ħajjitna bħala mod fiżiku kif ukoll mentali. Ħafna aktar żgħażagħ qed jindunaw kemm hu importanti li tipprattika xi tip ta’ sport. Ovvjament mhux bilfors futbol, iżda l-futbol tista’ tgħid li huwa l-iktar sport popolari kemm Malta kif ukoll madwar id-dinja kollha. Is-suċċess fil-futbol mhux biss ir-riżultat tal-logħba iżda l-effett globali li jħalli f’ħajtek.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien nixtieq inkompli għaddej sakemm inkun nista’ għax il-futbol huwa l-iktar sport favorit u importanti f’ħajti. Niddedika ħafna ħin għalih, huwa żvog għalija mill-istudju tal-Universitá u nħoss li anke joffrili bilanċ fil-ħajja tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol narah sport vera sabiħ li nirrakommanda lil nies oħra li jibdew. Dan minħabba li bih se tieħu ħsieb il-fiżika tiegħek, waqt li fl-istess ħin tagħmel ħafna ħbieb matul il-karriera!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport