Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo bdiet minn ċkuniti. Grazzi għan-nannu tiegħi, Robert Ebejer, li kien plejer u membru tal-kumitat ta’ Neptunes, segretarju u President tal-ASA għal bosta snin kif ukoll membru tal-LEN bureau, u konsegwentement, ommi, Mariella, li kienet ukoll dilettanta kbira. Minn dejjem kont espostt ghal sport akwatiku u kemm illi niftakar, kont nattendi logħbiet fil-Pixxina. Eventwalment, ingħaqadt mal-akkademja ta’ Neptunes W.P.S.C kemm għall-għawm kif ukoll għall-waterpolo, u maż-żmien, l-imħabba u l-ambizzjoni tiegħi għal dan l-isport kompliet tikber.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-waterpolo qabel ingħaqadt ma’ Valletta, fosthom ma’ Sirens u Neptunes.
Tul il-karriera tiegħi, kelli l-opportunità li nitħarreġ taħt diversi kowċis li għenuni niżviluppa u ntejjeb il-logħba tiegħi. L-aktar li napprezza huma l-kowċis u l-plejers ta’ Neptunes li tawni l-appoġġ u l-inkoraġġiment matul is-snin tiegħi mal-klabb u ghenuni naghraf il-valuri ta’ dedikazzjoni, passjoni u dixxiplina, li saru parti minni. Nirringrazzja wkoll,lill-kowċis tat-tim nazzjonali, li tawni ċ-ċans li nitħarreġ u nikkompetti fuq livell internazzjonali flimkien mall-iskwadra nazzjonali. Kont anke nattendi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, fejn l-iskola, ipprovdiet sessjonijiet żejda taħt kowċis rikonoxxuti.
Nixtieq nirringrazzja lill-kowċ Marko Orlovic u Coach Igor Vukanovic, li għamlu ħilithom biex jiggwidaw lili u lit-tim tas- Sirens, specjalment waqt l-isfidi li ffaċċjajna minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u r-restrizzjonijiet tagħha. Tajjeb li insemmi ukoll lill -kowc Anthony Farrugia (Panelli) ta’ kontribut kbir li tani, kemm fiż-żgħożija tiegħi kif ukoll fl-aħħar sena tiegħi ma’ Sirens.
Xejn ma ġie faċli u sibt diversi sfidi matul it-triq, iżda dawn ghamluni l-persuna li jien illum, b’determinazzjoni kontinwa! L-aspirazzjonijiet tiegħi għenuni nilħaq għanijiet li ħafna biss joħolmu bihom, bħal meta ġejt onorat bħala *Player of the Year* fl-2018 u meta rebaħt titli kemm fis-senior kif ukoll fil-kategoriji iżgħar.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Valletta United sa issa.
Nemmen li t-trasferiment tiegħi ma’ Valletta United W.P.C kienet id-deċiżjoni l-korretta. Il-klabb għandu etos li joħloq ambjent ta’ familja għall-atleti tiegħu, u aħna nħossuna rikonoxxuti. Flimkien mal kowcis u l membri tal kummitat, qed naħdmu biex nilħqu l-għanijiet tagħna, u nibnu pedamenti sodi, biex nsahhu t tim fix-xhur u s-snin li ġejjin.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-esperjenza tiegħi fil-pixxina, għadni kemm bdejt imma r-riżultati jitkellmu weħidhom. Se nkompli naħdem biex nagħti sehmi lejn l-ambizzjonijiet tal-klabb.
X’taħseb fuq il-kowċ u l-manager tat-tim, Joe Cremona?
Nixtieq nirringrazzja pubblikament lill-kowċ Joe Cremona talli emmen fija u ra l-potenzjal tiegħi u għalhekk taghni l-opportunità li ningħaqad ma’ Valletta United W.P.C. Barra minn hekk, il-ħatra tiegħi bħala *Viċi-Kaptan* tatni sens ta’ responsabbiltà akbar biex immexxi lit-tim bl-aħjar mod possibbli. Nemmen bis-sħiħ li bl-ambizzjoni, il-viżjoni u l-għarfien tal-kowċ, flimkien mal-appoġġ tal-klabb, nistgħu nilħqu l-għanijiet tagħna u nsiru plejers sodisfatti.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Il-livell tal-waterpolo f’Malta żdied b’mod ċar matul is-snin u se jibqa’ jitjieb. Kif semmejt qabel, ir-riżultati jitkellmu waħedhom. It-tim nazzjonali qed jikkompeti f’livelli għoli u jikseb riżultati pożittivi fuq livell internazzjonali, ħaġa li għandna nkunu kburin biha bħala pajjiż.
U dwar ir-riżorsi (pixxini) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Nemmen li l-pixxina nazzjonali tinsab f’kundizzjoni tajba, u għandna napprezzaw li nistgħu nitħarrġu u nilagħbu fiha matul is-sena kollha. Klabbs qed jinvestu f’faċilitajiet proprji, li se jikkontribwixxu għal skedi ta’ taħriġ aktar flessibbli u sessjonijiet itwal, u dan bla dubju se jgħin fit-titjib tal-klabbs infushom.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Bħal ħafna affarijiet fil-ħajja, is-suċċess ma jiġix faċli. Il-messaġġ tiegħi huwa li tibqgħu dixxiplinati, reżiljenti u fuq kollox, tirrispettaw lil dawk li qed jgħinukom anke meta jkollkom dubji fikom infuskom. Is-suċċess huwa r-riżultat ta’ xogħol iebes.