Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Beda kollox meta bdejt immur xi ġirja qalb il-kampanja ma’ misseri jew mal-għarus. Li jirnexxielek tisraq ftit ħin għalik u tmur tiġri ‘l bogħod mit-traffiku, kienet xi ħaġa li kont inkun ħerqana biex nagħmel. Minn hemm, kienu jinkoraġġuni nipparteċipa fi tlielaq qosra lokali. Għall-bidu din kienet xi ħaġa kompletament ġdida għalija. Niftakar l-ewwel sfida kienet jekk nlestix it-tellieqa tal-ħames kilometri, mingħajr ma nieqaf. Mhux talli hekk, talli wara niftakar ridt napplika għal tellieqa oħra. Bejn l-atmosfera tal-adrenalina, u bejn l-atmosfera ta’ atleti jinkoraġġixxu lil xulxin minkejja il-livelli differenti ta’ ġiri, kont ninduna li din ma kinitx ħa tkun xi ħaġa li ħa nipprova ta’ darba biss.
X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?
Minkejja li l-maġġoranza tat-tlielaq tiegħi huma ffukati fuq ġiri, nista’ ngħid li f’dawn l-aħħar sentejn kelli naqra ta’ varjazzjoni. Ħadt gost nipprova kompetizzjonijiet bħal-Level Up (The Pit) fejn jien u ħabiba tiegħi ġejna t-tielet fl-ewwel edizzjoni. Is-sena l-oħra kelli tiġrija ta’ 5k ġewwa Marsaskala fejn ġejt it-tieni. Apparti minn ġiri, is-sena l-oħra kont ħadt sehem f’kompetizzjoni tal-qdif għall-ewwel darba u kont ġejt it-tieni mara wkoll. Tellieqa oħra maġġuri li kont mort tajba fiha hija l-iSpartan Race ta’ Malta li hija ‘OCR’ u tinqasam fi tliet itlielaq bi tliet distanzi differenti (5k, 15k, 24k) rispettivament. Fl-itwal tellieqa irbaħt it-tielet mara, waqt li fit-tellieqa tal-15k, kont ġejt l-ewwel mara Maltija.
Fil-jiem li għaddew ħadt sehem b’suċċess fin-Nofs Maratona ta’ Malta. Agħtina iktar dettalji.
Nammetti li kont ilni snin ma nipparteċipa fin-Nofs Maratona għax l-aħħar drabi li kont ipparteċipajt kienu l-Maratoni tal-42k. U billi kont nieqsa mit-taħriġ għal żmien ta’ xahar minħabba mard, kienet naqra difficli biex nittrenja kif xtaqt. Ħadt gost ħafna ntellaq għax ma kelli ebda pjan speċifiku u xtaqt biss nagħmel ħilti. Peró, bqajt b’saħħti sal-aħħar u żammejt mal-ħin li xtaqt. Wara kollox nista’ ngħid li iva, kienet ta’ suċċess għalija għax wara kien hemm nies li tawni s-sapport tagħhom sabiex wasalt hawn. Kuntenta li rnexxieli naqta’ kważi għaxar minuti mill-aħjar ħin tiegħi.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Dal-passatemp ilu miegħi u jġiegħlni nkompli nikber. Jien inkompli nispera li nkompli nikber, niltaqa’ ma’ iktar nies fl-isport u fl-aħħar mill-aħħar nieħu gost nagħmilha. Il-bqija merħba bih. Nieħu spunt żgħir billi nirringrazzja lil dawk li wassluni s’hawn bħall-familja, Alessio u ħbieb li ġieli trenjajt magħhom, kif ukoll kowċis u għajnuna oħra personali bħal Chris Maggi Massage u Suunto.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Is-suċċess fl-atletika mhux bilfors takkwistah għax tiġi mal-ewwel tliet postijiet fit-tlielaq. Is-suċċess jibda meta inti taħdem għall-ħolm tiegħek. Qatt mhu tard wisq u fl-aħħar mill-aħħar inti tiddeċiedi fejn trid tasal f’ħajtek. Ħadd ma beda jtellaq mill-ewwel u kulħadd beda minn x’imkien. Nużaw is-saħħa u l-kapaċitajiet li għandna issa ħalli ‘l quddiem ma jiddispjaċiniex!