Saturday, August 1, 2026
Home Sport Emmen fik innifsek, għaliex jekk ma temminx fik innifsek int, ħadd mhu...

Emmen fik innifsek, għaliex jekk ma temminx fik innifsek int, ħadd mhu ħa jemmen fik – Nathan Agius

0
69

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kelli erba’ snin u missieri tani l- ewwel ballun tiegħi żgħir taċ-Champions League u bdieli l-ewwel taħriġ  personali tiegħi miegħu.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mosta FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Mosta FC bħalissa hija waħda pożittiva ħafna għaliex kważi qed inkun preżenti mal-ewwel 11 kull partita u qed inkabbar l-esperjenza tiegħi fil-Malta Premier bis-saħħa tal-klabb.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

It-tim huwa magħqud ħafna. Fid-dressing room kulħadd jagħti rispett lil xulxin u wkoll nitgħallmu mill-esperjenzi ġenerali ta’ kulħadd u nużawhom għall-vantaġġ tat-tim fuq il-pitch.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi tagħna kienu ċari mill-bidu tal-istaġun, li dejjem inkunu hemm mat-top 6.

X’tikkummenta fuq il-kowċis Joseph Grech, Mario Muscat u Matthew Psaila?

Il-kowċis dejjem għenuni biex inkun l-aħjar possibli fil-kapaċitajiet tiegħi, afdaw fija u għenuni nikber bħala plejer u persuna inġenerali.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-futbol Malti dejjem qiegħed  jitjieb permezz tal-livell tal-plejers barranin li qed jiġu jilagħbu hawn Malta u dawn qed jixprunaw lill-plejers Maltin biex dejjem ikunu aħjar ħalli jżommu posthom.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Grawnds u riżorsi dejjem qed jitjiebu maż-żmien iżda l-klabb naf li dejjem jagħtina sa fejn jista’.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futur tiegħi f’terminu qasir huwa biex nibqa’ nikber bħala plejer u possibilment insir plejer tat-tim nazzjonali Malti, iżda l-ħolma ta’ meta kont żgħir kienet u tibqa’ li nilgħab barra minn xtutna. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa li dejjem temmen fik innifsek anke meta l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb, għaliex jekk ma temminx fik innifsek int, ħadd mhu ħa jemmen fik!