Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-futbol?
Meta kelli madwar ħames snin, missieri kien jilgħab fil-kampjonat amateur u kont immur narah jilgħab.
Kif ġejt tilgħab f’Malta mill-Brażil?
Il-manager tiegħi ġab lil Bizu Eduardo do Nascimento biex jilgħab ma’ Floriana FC. Imbagħad Bizu ngħaqad ma’ Sliema Wanderers FC u kellhom bżonn plejer barrani ieħor biex jilgħab fit-Tazza UEFA.
Iddeskrivi l-esperjenza tal-passat tiegħek bħala plejer f’Malta, jiġifieri ma’ Balzan FC.
Balzan FC kienu l-aqwa tim li lgħabt miegħu f’Malta b’atmosfera mill-aqwa u l-aqwa grupp. Kelli wkoll wieħed mill-aqwa kowċis f’Malta, Ivan Zammit. Il-kowċ ried jitla’ fil-Malta Premier u dak iż-żmien ma kinitx deċiżjoni faċli għalija għax kont għadni kif tlaqt minn ma’ Marsaxlokk, wieħed mill-aqwa timijiet fil-Malta Premier … u naħseb li ħadt l-aħjar deċiżjoni li mmur hemm għax kienet sfida kbira għalija, fejn irbaħna l-Kampjonat ħames logħbiet qabel tmiem l-istaġun.
U l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Assistant Coach ta’ Santa Venera Lightnings FC.
Din mhix l-ewwel esperjenza tiegħi bħala assistant coach ta’ tim tal-kbar peressli matul il-pandemija tal-Covid-19 kont nokkupa dan ir-rwol ma’ Marsa FC. Hija esperjenza tajba b’sfida kbira għalkemm mhix faċli imma ninsab pożittiv li nistgħu nikbru.
X’tikkummenta dwar l-andament tat-tim matul dan l-istaġun s’issa?
Qed naħdmu ħafna u niżguraw li ngħaddu l-ħiliet tagħna mill-esperjenzi tal-passat. It-tim tekniku tagħna għandu individwi pjuttost esperjenzati u nemmen li se jirnexxielna niksbu riżultati akbar.
X’inhuma lt-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Żgur li nimmiraw li nirbħu l-kampjonat imma xorta naħseb li rridu naħdmu aktar biex niksbu dan it-tragward!
X’tista’ tgħid dwar il-kowċ Jamie Pace, u kemm taħdem mill-qrib miegħu?
Minbarra l-professjoni tal-futbol tagħna, jien u Jamie aħna l-aqwa ħbieb. Huwa kien saħansitra xhud tiegħi fit-tieġ tiegħi u jien kont wieħed mill-għarajjes tiegħu fit-tieġ tiegħu. Jien u Jamie u anke Jeffrey għandna l-istess viżjoni għat-tim tagħna. Nisimgħu lil xulxin irrispettivament mill-pożizzjonijiet tagħna.
Aħna nirrispettaw kull opinjoni. Kemm Jamie kif ukoll Jeffrey Chetcuti lagħbu ħafna logħbiet mat-tim nazzjonali Malti. Jiena lgħabt ma’ Jeffrey ma’ Sliema Wanderers FC. Nirrispettah ħafna kemm fil-futbol kif ukoll fil-ħajja personali. Jamie lgħabna flimkien għal ħafna snin ma’ Marsaxlokk FC u Balzan FC. Huwa wieħed mill-aqwa plejers u ħbieb li ltqajt miegħu fil-futbol Malti.
Kif tqis il-livell attwali tal-futbol Malti?
Fl-opinjoni tiegħi, qabel il-livell kien aħjar. Jekk insemmi l-aqwa plejers Maltin tal-passat nista’ nsemmi madwar ħamsa jew sitta f’kull tim. Illum ma ssibx dan lanqas fost il-plejers barranin.
U xi ngħidu dwar ir-riżorsi (il-grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Apparti żewġ grawnds, il-bqija mhumiex tajbin. Huwa faċli li tħassar il-karriera tiegħek tilgħab f’dawn il-grawnds billi tirriskja injury kbira li ġrat fil-każ tiegħi. Huwa ħasra kbira li tara dawn in-numri ta’ plejers imweġġgħin fis-sena.
Kif tara l-futur tiegħek fil-futbol?
Nippjana li nilgħab dan l-istaġun għal Santa Venera u għall-futur forsi nikkunsidra li nerġa’ lura fin-nursery bħala kowċ. Għandi tifel, Theo u l-għan tiegħi hu li ninkoraġġih u ngħaddi l-għarfien tiegħi dwar il-futbol, lilu. Forsi xi darba nerġgħu nisimgħu l-isem Conceicao, min jaf?!
Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Mhux faċli … se ssib ħafna affarijiet li jġegħluk tieqaf, madankollu, jekk int verament determinat dwar dak li trid ibqa’ pożittiv, aħdem iebes u se tikseb ir-riżultati. Kif qal darba Pele “is-suċċess mhuwiex koinċidenza. Huwa xogħol iebes, perseveranza, tagħlim, studju, sagrifiċċju u fuq kollox, imħabba għal dak li qed tagħmel u titgħallem tagħmel.” mhux biss għal plejer iżda għal kull ħaġa fil-ħajja.

