Sunday, December 22, 2024

IS-SULLUZZU TAL-BREXIT

Aqra wkoll

Mill-bidu nett tal-proċess tal-Brexit, kif se tinħall il-problema tal-Irlanda ta’ Fuq dehret bħala l-aktar waħda diffiċli. Waqt li tibqa’ fir-Renju Unit, l-Irlanda ta’ Fuq kellha tibqa’ magħquda f’żona ta’ kummerc u ċirkolazzjoni ħielsa mar-Repubblika Irlandiża, li baqgħet membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Il-kwadru b’xi mod kellu jkun fl-istess ħin tond.

Mill-bidu nett ukoll, il-kompromess li ntlaħaq deher imċaflas. Mhux qed jaħdem u min-naħa Brittanika l-manuvrar li qed isir biex l-affarijiet jinbidlu, bir-raġun qed jitqiesu bħala suspettużi mill-Ewropej.

Hemm punti oħra li qed iqanqlu tħassib – bħar-reġistrar tad-dgħajjes tas-sajd kontinentali li jistadu f’ibħra Brittaniċi – ċertu ċaqliq fis-servizzi finanzjarji – miżuri kummerċjali miftehma fit-trattat tal-Brexit li jiġu spustati… 

Aktar ma titbiegħed il-pandemija tal-Covid-19, kif inhi t-tama, aktar se nisimgħu bil-problemi li għadhom hemm dwar il-miżuri li jwettqu l-Brexit. Bħalissa jinħassu bħala sulluzzu. Ftit ieħor u għad jistgħu jiżviluppaw f’uġigħ ta’ ras kbir.

***

DJALOGU U DIBATTITU

Qed issir enfażi kbira fuq l-importanza li ċ-ċittadini jingħataw opportunità jieħdu sehem f’dibattiti dwar il-futur ta’ pajjiżhom, tal-Ewropa, jew ta’ dan jew dak is-settur ekonomiku u soċjali. Nemmen li din l-enfażi hi meħtieġa.

Imma biex jagħmlu xi impatt, id-dibattiti iridu jkunu ġenwini. Jekk se ngħidu li jkunu miftuħa għaċ-ċittadini kollha, fejn kulħadd jista’ jgħid tiegħu bla xkiel, irridu tassew nagħmlu hekk. 

Issa numru mid-dibattiti li jsiru huma maħsuba biex jixxandru. Jintgħażlu xi kelliema ewlenin (dik ħaġa naturali) imma wkoll il-kelliema li se jservu ta’ “ċittadini”. Kollox ippjanat u rranġat minn qabel. Żgur mhux mod tajjeb kif isiru l-affarijiet jekk tassew id-“dibattiti” se jservu ta’ forum għad-djalogu.  

***

RAZZIŻMU

Hu inutli li noqgħodu nippretendu li r-razziżmu mhuwiex ħaj fostna. Hu. Ta’ spiss wisq qed jieħu forom inaċċettabbli u agħar, kriminali.

M’aħniex waħidna li bħala poplu nistgħu niġu akkużati b’hekk. Li ma jfissirx li nistgħu nagħlqu għajnejna għal dil-problema kbira. U li ma jfissirx lanqas li l-Maltin kollha jaqgħu fil-kategorija ta’ nies b’animu razzist.

Il-problema trid tiġi ttrattata b’impenn, u bla ebda rtubija fil-mod kif jitħaddmu l-miżuri meħtieġa. Fuq il-pjan tal-liġijiet u dak polizjesk. Mil-lat edukattiv u dak tal-politika soċjali. B’enfażi fuq it-trawwim u l-imġiba ta’ tfal u żgħażagħ, imma wkoll b’indirizz lejn l-imġiba tal-adulti. 

Il-ħafna diskorsi dwar kemm il-Maltin huma ġens ħanin jinstemgħu ipokriti jekk delitti u ġesti ta’ natura razzista jitħallew  jitwettqu b’impunità. Fl-istess ħin, il-ħamrija soċjali li minnha jixxenxlu dawn id-delitti u ġesti trid titnaddaf  mill-biża’, għira u injoranza.

Mhijiex ħaġa faċli imma trid issir.

Ekonomija

Sport