Saturday, November 16, 2024

Is-Super League Ewropew jirritorna fil-qorti

Aqra wkoll

Is-Super League Ewropew il-bieraħ beda biex jipprova jipperswadi lill-imħallfin fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li għandu jitħalla jkompli bil-pjani biex jistabbilixxi l-kompetizzjoni rivali tiegħu, aktar minn sena wara li l-proġett sfaxxa fost l-għajta pubblika.

Il-partitarji tal-football setgħu ħasbu li ħarġu mit-tournament mifrud, li kien ikun fih l-aktar clubs sinjuri tal-Ewropa f’kampjonat fil-biċċa l-kbira magħluq, meta sfaxxa fi żmien 48 siegħa mit-tnedija tiegħu f’Ap­ril tas-sena l-oħra.

Il-partitarji niżlu fit-toroq u l-Prim Ministru Boris Johnson ħoloq ‘bomba leġiżlattiva’ biex jonfoħ il-profitti tal-impriża proposta.

Quddiem din l-oppożizzjoni rrabjata, partikolarment mill-partitarji tal-clubs Ingliżi, disgħa mit-12-il membru fundatur, Manchester United, Manchester City, Liverpool, Chelsea, Tottenham, Arsenal, Atletico Madrid, Inter u Milan irtiraw mill-proġett u malajr ħarġu apoloġija.

Iżda bħal f’kull film tal-orrur tajjeb, il-mostru qatt ma ikun verament mejjet. U l-European Super League Company, li żżomm l-appoġġ ta’ Real Madrid, Juventus u Barcelona, baqgħet izappap u qed timbotta għal sentenza definittiva taħt il-liġi tal-kompetizzjoni Ewropea.

“Ir-rikorrenti, il-European Super League Company… qed tfittex l-adozzjoni ta’ miżuri proviżorji mmirati biex jippermettu l-organizzazzjoni u l-iżvilupp tas-Super League Ewropew,” jgħidu dokumenti tal- qorti.

L-avukati jemmnu li l-każ, suġġett ta’ smigħ fi Brussell ilbieraħ u llum, huwa potenzjalment aktar sinifikanti mill-famuża ‘Bosman Ruling’ li fiha player Belġjan, Jean-Marc Bosman, ikkontesta r-regoli tat-trasferimenti tal-football fl-istess qorti, fis-sena 1990, u rebaħ id-dritt għal trasferiment b’xejn fi tmiem il-kuntratt tiegħu.

Jean-Louis Dupont kien membru tat-team legali li rebaħ il-Bosman Ruling, u issa qed jaġixxi għas-Super League. Dupont kompla jkun il-pjaga tal-UEFA u l-FIFA, u minn dak inhar ressaq diversi każijiet kontra l-awtoritajiet tal-football internazzjonali.

Il-biċċa l-kbira tal-osservaturi, ħlief forsi l-president ta’ Real Madrid, Florentino Perez, ma jistennewx li s-Super League, “iqum mill-irmied”, iżda l-azzjoni legali li hija nvoluta fiha tista’ tbiddel il-pajsaġġ tal-football – u dak sportiv, li jagħmilha possibbli li l-kompetizzjonijiet rivali jirnexxu fil-futur.

Ekonomija

Sport