Saturday, May 4, 2024

Is-Sur Peter Paul Coleiro maħtur Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Aqra wkoll

Is-Sur Peter Paul Coleiro ġie maħtur uffiċjalment direttur ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, wara li għall-aħħar xhur kien aġent direttur ġenerali tal-istess dipartiment.

Fl-aħħar sentejn, is-Sur Coleiro okkupa l-kariga ta’ direttur tal-operazzjoni fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, wara li kien ilu ħames snin fil-kariga ta’ deputat direttur u tliet snin oħra fil-kariga ta’ maniġer anzjan tal-operazzjonijiet tal-istess dipartiment. Huwa kien ingħaqad mal-Protezzjoni Ċivili fl-2013, wara karriera fil-qasam tat-Trasport u l-ICT. Tul dawn l-aħħar 13-il sena, serva wkoll ta’ espert tal-qrati fejn jidħlu investigazzjonijiet ta’ nirien.

Is-Sur Peter Paul Coleiro huwa gradwat fil-livell ta’ Masters f’Business Administration kif ukoll segwa għadd ta’ korsijiet fejn jidħol management u anke nirien.

Il-ħatra tas-Sur Coleiro saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, li min-naħa tiegħu awgura lis-Sur Coleiro fil-kariga l-ġdida tiegħu. Huwa qal li l-ħiliet ta’ tmexxija tas-Sur Coleiro kienu evidenti b’mod partikolari fl-aħħar xhur, meta d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie msejjaħ jagħti l-għajnuna, u kien minn tal-bidu, barra minn xtutna. Fil-fatt, matul l-aħħar xhur li s-Sur Coleiro kien fit-tmexxija tad-dipartiment, bħala aġent direttur ġenerali, kompla l-investiment bla preċedenti f’dan id-dipartiment.

Sport