Wednesday, April 24, 2024

L-għoli tal-ħajja fl-Irlanda qed iġiegħel lill-ġenituri biex ilibbsu ‘l uliedhom ħrieqi użati

Aqra wkoll

Koordinatriċi ta’ għaqda karitattiva li tipprovdi prodotti għall-iġjene personali lil madwar 125 foodbank, skejjel u refuġjati fl-Irlanda ta’ Fuq, innutat li tant hi b’saħħitha l-istigma fost in-nies li jkunu jeħtieġu dawn l-oġġetti illi jippreferu jibqgħu jbatu milli jitolbu l-għajnuna.

Hilary Young, il-koordinatriċi ta’ din l-NGO, attribwiet il-mistħija bħala r-raġuni ewlenija għal dan l-aġir, filwaqt li żiedet tgħid illi l-ħtieġa li dawn in-nies jersqu għall-għajnuna qed tkompli tikber. Tant hu hekk li saħansitra fissret li qed ikollhom każi ta’ familji li ma jifilħux jixtru l-ħrieqi għal uliedhom; qed jispiċċaw inaddfu l-ħrieqi użati kif jistgħu u jerġgħu jużawhom. Irrakkuntat ukoll li kemm każi fejn familja ta’ ħames min-nies ikollha toothbrush waħda li tintuża minn kull membru f’dik id-dar, u li jaf jgħaddu x-xhur qabel ma jkunu f’pożizzjoni li jixtru oħra ġdida.

“Iebsa biex timmaġinak tgħaddi minn din is-sitwazzjoni, speċjalment jekk qatt ma kont dahrek mal-ħajt bħal dawn in-nies, iżda sfortunatament din hi r-realtà,” qalet Young. Hija osservat li mill-2020 ‘l hawn qassmu ‘l fuq minn 62,600kg ta’ ħrieqi, u prodotti għall-iġjene fost oħrajn madwar l-Irlanda ta’ Fuq. Mal-medda taż-żmien id-domanda għall-bżonnijiet ta’ affarijiet essenzjali bħalma huma t-toilet paper u t-toothpaste baqgħet tiżdied, tant li bħala għaqda ħassew il-bżonn li jiftħu żewġ ċentri oħra fl-Irlanda ta’ Fuq.

“Jiena kelli esperjenza f’orfonatrofju fl-Afrika fejn kont mort bħala voluntiera, u sintendi hemmhekk tistenna li ssib din ir-realtà, però qisek lanqas tgħaddilek minn moħħok li tħabbat wiċċek mal-istess sitwazzjonijiet hawnhekk,” temmet tgħid Young b’dispjaċir.

Sport