Friday, May 3, 2024

Joseph Muscat bi proċeduri legali dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu

… Saħaq li min qed jivvinta fuqu jrid ipatti bil-ġustizzja

Aqra wkoll

Wara l-allegazzjonijiet li ħarġu fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat marbutin ma’ kuntratti fil-konċessjonijiet tal-Isptarijiet lill-Vitals, l-istess Muscat rreaġixxa b’azzjonijiet legali wara li fl-aħħar sigħat iddikjara li “Anki waħdi nibqa’ niġġieled għall-verità … min qed jivvinta se jkollu jħallas ta’ għemilu bil-ġustizzja”.

Infatti Muscat daħħal rikors fil-Qorti fejn qed jitlob lill-Maġistrat Gabriella Vella tirrikuża ruħha mill-Inkjesta dwar l-isptarijiet u din tgħaddi f’idejn ġudikant li jista’ jassigura kemm bħala perċezzjoni kif ukoll bħala fatt, l-imparzjalita f’dan il-każ li issa sar politiku.

Huwa jelenka r-raġunijiet ewlenin għal din it-talba fejn qed jgħid li 

– Il-Magistrat baqgħet ma tat l-ebda deċiżjoni u tweġiba fuq it-talbiet tiegħu li jixhed.  “Għal xi raġuni kienet komda li tordna lill-Pulizija jidħlu f’dari fuq familti iżda mhux komda tisma’ x’għandi xi ngħid”, jgħid Muscat.

– Kien hemm leaks kontinwi mill-Inkjesta, inkluż b’nies jiftaħru pubblikament li jafu x’se jiġri, nies li ġew quddiem daru, u issa saħansitra informazzjoni li ġiet ippublikata u li jidher li oriġinat mill-Inkjesta.

3. Familjari tal-Maġistrat ippromovew propaganda ta’ min talab l-Inkjesta, u saħansitra esprimew ruħhom pubblikament dwar il-kwistjoni li qed tiġi investigata. Każijiet preċedenti fil-Qorti Kostituzzjonali, il-Kodiċi tal-Etika u prinċipji internazzjonali dwar il-ġudikatura jitkellmu ċar dwar hekk.

Jisħaq li kien ilu jirreżisti dan il-pass għax ried jagħti l-benefiċċju tad-dubju, iżda l-mossi sfaċċati ta’ dawn l-aħħar jiem tellfuh kull fiduċja li seta’ kellu f’dan il-proċess.  

Huwa temm jenfasizza li hemm min irid jinżamm responsabbli għal dak li qiegħed jingħad fil-konfront tiegħu.

Sport