Wednesday, October 2, 2024

SKART: IS-SOLUZZJONI VERA

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Nixtieq nikkumplimenta lill-awtoritajiet li implimentaw b’suċċess il-konsistenza ta’ ġranet tal-ġbir ma’ Malta u Għawdex kollu li, skont jien, ħalliet  effett ħafna aħjar milli stennejt għalkemm inħoss li l-multi huma xi ftit eċċessivi.

F’artikli oħra ktibt dwar il-fatt illi jekk il-borża s-sewda tiġi trasparenti tista’ tkun imbarazzanti għal persuni li jagħmlu użu minn ċerti prodotti viżibbli u li tista’ tnaqqas mid-dinjità ta’ dawn in-nies. 

Identifikajt ukoll ċerti problemi li jiltaqa’ magħhom iċ-ċittadin illi l-gvern donnu qatt ma ta kashom s’issa.  Problemi bħal meta bniedem li tefa’ l-iskart ‘imħallat’ korrettement ġo borża griża li, anke f’kas ta’ safar jew forsi biex ibattal id-dar mill-iskart, ma jistax imur f’liema ġurnata jrid hu bil-borża l-griża mħallta minflok jistenna ġurnata ta’ ġbir oħra. Bl-istess mod bniedem ma jistax jagħżel li jsuq u jiddisponi mill-borża tal-iskart organiku jew is-sewda mhux fil-ħinijiet tas-soltu u lanqas ma jeżisti mkien organizzat u/jew uffiċjali fejn bniedem jiddisponi minn ikel tajjeb minflok jarmih.  

M’ilux, fuq ir-radju, ċempel sinjur li nemmen li verament laqat il-musmar fuq rasu rigward is-soluzzjoni perfetta għall-ġbir tal-iskart.  Issuġġerixxa li l-iskart jibda jinħareġ tard filgħaxija, per eżempju mill-5pm sal-10pm u l-multi jingħataw lil min joħorġu kmieni filgħodu minflok.

Il-vantaġġi għaċ-ċittadin huma ħafna. L-ewwelnett, wara ċertu ħin jonqos it-traffiku u l-vetturi tal-iskart ma jimblukkawx it-toroq.  It-tieni, ħafna nies jaħdmu sal-ħamsa u jkunu d-dar wara s-sitta. L-istess it-tfal tal-iskola. Il-probabbiltà li xi ħadd ikun il-ħin kollu d-dar filgħaxija hija ħafna akbar milli filgħodu.  Il-ħin ta’ filgħodu huwa qasir ħafna u filwaqt li l-ġenituri moħħhom f’li jaslu fil-ħin għax-xogħol, it-tfal moħħhom f’li jilħqu t-trasport tal-iskola. Barraminhekk kulħadd mgħobbi nieżel it-taraġ b’iktar minn basket wieħed sakemm mhux b’xi ‘pushchair’ ukoll! 

Dak li filgħodu jidher bħala ħaġa kbira i.e. li toħroġ l-iskart, filgħaxija jista’ jsir f’ħafna iktar kumdità.  Fil-fixla ta’ filgħodu faċli tinsa toħroġ l-iskart.  Filgħaxija jekk wieħed jinsa joħorġu għandu aktar ċans jiftakar wara, mhux bħal meta bniedem ikun diġà wasal ix-xogħol u jkun tard wisq.  Fil-ħajja mgħaġġla li ngħixu llum kull qatra tgħodd biex ittaffilna mit-tensjoni tal-ġurnata.

Tikteb l-opinjonista Lorna Vassallo

Barra minn hekk, il-ġbir filgħaxija jippermetti lill-familja tiekol tliet darbiet f’ġurnata u ġġemma’ iktar skart qabel il-ġbir minn wara l-bieb. Speċjalment fil-każ tal-iskart organiku, s’issa l-iskart tal-Ġimgħa f’nofsinhar u filgħaxija ikollu jistenna sat-Tnejn biex jinġabar.  Kieku dan jiġi ffrankat minn djar in-nies.  Naturalment ukoll, l-iskart fuq il-bankini filgħodu jidher ikreh milli l-iskart filgħaxija għax ovvjament huwa ferm inqas viżibbli.  Vantaġġ għal settur iżgħar tas-soċjetà hu l-fatt li għal min juża s-siġġu tar-roti l-bankini ma jiġux imblukkati bl-iskart meta jkun jagħmel il-qadjiet tiegħu, imma meta jkun ħafna iktar rilassat u jkollu aktar għajnuna min jimbuttah filgħaxija.

L-iżvantaġġ huwa iktar għall-awtoritajiet u huwa ovvju.  Il-ħaddiema jridu jitħallsu aktar. Iżda dan mhuwiex l-ikbar żvantaġġ meta wieħed jikkunsidra l-qligħ mill-multi ta’ rimi ħażin taż-żibel.  Iktar ħlas lill-ħaddiema jista’ biss iħajjar iktar nies li jidħlu f’dan ix-xogħol speċjalment meta waħda mill-bidliet fundamentali li għandhom isiru huwa li tinbidel il-mentalità ta’ kif inħarsu lejn min jiġbor iż-żibel.  Jidher li ċerta bidla diġà seħħet. Tant hu hekk illi għandna għaqda non-governattiva li għażlet proprju l-isem ‘Żibel’ biex tidentifika ruħha. Ta’ dan ta’ min ifaħħarhom verament.

Skont is-sit elettroniku Salaryexpert, li jibbaża l-informazzjoni tiegħu fuq stħarriġ li jsir fost il-ħaddiema, salarju ta’ min jiġbor l-iskart f’Malta huwa ta’ €7 is-siegħa (€14,498) flimkien ma’ bonus ta’ €207.  Ħaddiem fil-fabbrika għadu jibda jaqla’ €10,642 u min inaddaf jaqla’ €11,797 jew €6 is-siegħa flimkien ma’ bonus ta’ €124. Dan ifisser li ħaddiem fil-qasam tal-iskart diġà jaqla’ paga ogħla minn ħaddiema oħra. Iżda dejjem fil-parametri tal-liġijiet industrijali, xejn ma jeskludi li jiddaħħlu benefiċċji oħra sabiex jagħmlu dan ix-xogħol attraenti u ssir pubbliċità biex titneħħa ċerta stigma li teżisti.

Meta wieħed jikkunsidra l-qligħ minn multi ta’ min jiddisponi ħażin mill-iskart flimkien ma’ nfiq sabiex skart mhux miġbur tajjeb jinfired jew jiġi meqrud, allura probabbilment, apparti l-benefiċċji soċjali, pagi ogħla u kuntratti mħallsa aħjar għall-ġbir tal-iskart huma parti oħra mis-soluzzjoni.  

Nixtieq li fil-ġejjieni nara proġetti pilota anke f’inħawi li huma inqas turistiċi fejn l-iskart jinġabar filgħaxija minflok filgħodu.  Dan jista’ jgħinna nifhmu aħjar din is-soluzzjoni taħdimx u ġġiegħelx ’in-nies jaderixxu aktar mar-regolamenti.  Wara kollox, li nżommu pajjiżna nadif hija l-ikbar priorità.

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.

Sport