Friday, December 20, 2024

Is-suwiċidju fuq il-post tax-xogħol huwa realtà anke f’Malta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Madwar 20% tat-telefonati li tirċievi l-Crisis Resolution huma relatati max-xogħol

Ix-xogħol huwa parti importanti fil-ħajja ta’ bniedem għall-għixien tiegħu u tal-familja, kif ukoll huwa ta’ kontribut lejn l-ekonomija tal-pajjiż. Għaldaqstant, huwa vitali li l-ħaddiema jkollhom ambjent san u tajjeb fil-kumpaniji li jaħdmu fihom, kif ukoll sostenn għal kull tip ta’ diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom. Talk.mt flimkien mal-Kap tal-Crisis Resolution Malta, Mark Xuereb, tat ħarsa lejn l-isfidi ta’ saħħa mentali li l-ħaddiema lokali qegħdin jiffaċċjaw fejn jirriżulta li telefonata minn kull ħamsa li jirċievu l-Crisis Resolution Malta hija relatata proprju max-xogħol. Għadd ta’ ħaddiema qegħdin isibu ruħhom fi problemi b’konsegwenza ta’ kriżijiet serji tant li hemm min jasal fl-estremità ta’ ħsibjiet u attentati suwiċida. Estremità li, sfortunatament, tmissna lokalment ukoll tant li l-aħħar suwiċidju relatat seħħ proprju erba’ xhur ilu.

“F’sitwazzjonijiet diffiċli fuq il-postijiet tax-xogħol, wieħed irid joqgħod attent minħabba li jistgħu jidħlu anke ħsibijiet suwiċida. B’sogħba ngħid li s-suwiċidju fuq il-post tax-xogħol jiġri anke f’Malta. L-aħħar wieħed kien madwar erba’ xhur ilu f’ristorant fiċ-ċentru ta’ Malta,” ħabbar Dott. Xuereb. 

Dan il-psikjatra tana dawn id-dettalji biex juri kemm dawn it-traġedji fir-realtà, iseħħħu anke fil-gżejjer tagħna. Huwa qal li madwar 20% tat-telefonati li jirċievi t-tim tal-Crisis Resolution immexxi minnu, huma relatati max-xogħol u dawn jiżdiedu meta b’mod speċjali jkun hemm tibdil, jarwolaw jew inaqqsu impjegati, jew ikun hemm xi problemi fl-ishma tal-kumpanija li jaħdmu fiha.

Impjegati b’nuqqas ta’ rqad, theżżiż ta’ snien u tensjoni

Il-Kap tal-Crisis Resolution ġab l-eżempju ta’ meta snin ilu bank nazzjonali ttieħed minn ieħor internazzjonali. “F’dan il-każ, indunajt li kien hemm impjegati li kellhom diffikultajiet biex jadattaw għal din il-bidla. Dan huwa rifless f’ħafna kumpaniji li fihom ikun hemm tibdil, tibdil li mhux neċessarjament ikun wieħed negattiv. Bħala professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali, nindunaw meta dawn l-affarijiet jibdew jiġru. Fil-każ tal-bank, kont qiegħed nara ħafna managers u impjegati ġejjin bi problemi ta’ nuqqas ta’ rqad, uġigħ ta’ ras, theżżiż ta’ snien, ulċeri, nuqqas ta’ konċentrazzjoni u tensjoni,” spjega Dott. Xuereb. 

Huwa qal li dan seħħ tul il-perjodu kollu tat-takeover u għaldaqstant, juri fiċ-ċar kif il-psikoloġija tal-bniedem hija affettwata minn tibdil fuq il-post tax-xogħol. 

Id-dokument “Is-Saħħa Mentali fuq il-Post tax-Xogħol” mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), filwaqt li jirrikonoxxi li x-xogħol huwa importanti għas-saħħa mentali, ħareġ twissija li ambjent negattiv fuq il-post tax-xogħol jista’ jikkawża problemi fiżiċi u psikoloġiċi. Dott. Xuereb qal li, “ma ninsewx li d-dipressjoni u l-ansjetà għandhom impatt ekonomiku sinjifikanti. Id-WHO tikkalkula li ta’ kull sena l-ekonomija globali titlef triljun dollaru Amerikan minħabba nuqqas ta’ produttività kawża ta’ dipressjonijiet u ansjetà fost il-ħaddiema”. Din l-organizzazzjoni titkellem ukoll dwar il-fastidji, l-ibbuljar, problemi ta’ vizzji bħal drogi u alkoħol, inċidenti fil-lant tax-xogħol, nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tajbin minħabba dipressjoni. 

L-aspetti koroh tal-ibbuljar

Dan il-psikjatra kompla qal li, “fenomenu ieħor li wieħed irid joqgħod attent għalih huwa dak tal-ibbuljar fuq il-post tax-xogħol. B’dieqa huwa jiftakar każ fil-qrati tagħna li seħħ fejn kien hemm persuna li, “litteralment kienet tidħol, tpoġġi bilqiegħda taħdem tmien sigħat sħaħ tħares biss lejn il-kompjuter. Il-kollegi li suppost kienu sħabha, injorawha u mmarġinalizzawha. Din il-persuna kellha problemi ta’ saħħa mentali u kien hemm bżonn tal-intervent mid-dipartiment tar-riżorsi umani. Ħdimna flimkien u rnexxielna ngħinu lil din il-persuna u llum il-ġurnata hija parti integrali tat-tim”.

L-ibbuljar fuq il-post tax-xogħol fih għadd ta’ aspetti koroh fosthom iz-zekzik, l-umiljazzjoni, ir-redikolaġni, il-fastidju sesswali, tixrid ta’ diċeriji foloz, theddid ta’ vjolenza u anke diskriminazzjoni razzjali. L-Assoċjazzjoni ta’ Tobba fit-Tramuntana ta’ Oxford, id-“Doctors.org”, sena ilu għamlet studju fejn qalet li tobba li għandhom nazzjonalità u karnaġġjun differenti huma f’ċans akbar li jkunu mfittxija legalment għad-danni mill-organizzazzjoni jew mill-pazjenti. 

Fattur ieħor li jista’ jwassal għal kriżi fost l-impjegati huwa l-istress. Fl-2014 l-Assoċjazzjoni Amerikani tal-Psikoloġija ppublikat artiklu dwar kif wieħed jista’ jiffaċċja l-istress fuq il-post tax-xogħol. Xuereb qal li l-istress jista’ jkun ikkawżat fost l-oħrajn minħabba xogħol eċċessiv, salarji baxxi, nuqqas ta’ opportunijiet u promozzjonijiet, xogħol bla sodisfazzjon jew nuqqas ta’ sostenn, nuqqas ta’ kontroll jew parteċipazzjoni fuq id-deċiżjonijiet jew fil-viżjoni tal-kumpanija, konflitt fl-istruzzjonijiet bejn id-diretturi, tibdil fi żmien qasir tax-xogħol tal-impjegati, jew inkella meta ħaddiem ma jkunx jaf x’inhuma l-aspettativi mistennija minnu. 

Huwa spjega li, “meta min iħaddem ibiddel l-affarijiet il-ħin kollu, eżempju kif ġara fi żmien il-Covid-19, l-impjegati jibdew jesperjenzaw dik li nsejħula ċ-“change fatigue” (għejja minħabba l-bidliet). Il-psikjatra jaf kemm il-pandemija affettwat nies f’dan l-ambitu fosthom impjegati ta’ kumpaniji li għalqu jew naqsu drastikament in-numru tal-ħaddiema jew/u l-produzzjoni. 

Nuqqas ta’ produzzjoni…

Il-psikjatra qal li fejn m’hemmx tim b’saħħtu, ikkordinat, ta’ rispett u ma jkunx hemm komunikazzjoni, “ikun hemm kemm ikun hemm riżorsi, flus, inizzjattivi jew ideat, il-produzzjoni ma tkunx daqstant tajba. Dan minħabba li l-impjegati ma jkollhomx il-ħajra li jmorru għax-xogħol”.

Xuereb qal li ta’ kull sena, lokalment, il-kura tas-saħħa mentali tiswina bejn il-€200 u l-€250 miljun. Din hija statistika li ħarġet minn studju importanti ta’ Paul u Nadine Sinclair intitolat “Building Resiliance – A Prescription for Tackling the Global Mental Health Challenge One Step at a Time”. Dan l-istudju juri kif ħafna minn dawk li jħaddmu lin-nies, m’għandhomx għarfien ta’ kemm hija importanti s-saħħa mentali tal-impjegati tagħhom. 

“Anke meta jkun hemm problemi fl-ekonomija, ir-rata tas-suwiċidju tiżdied. Dan rajnih fl-aħħar snin fil-Greċja u fl-Italja. Huwa proprju għalhekk li għandna noqogħdu attenti u qatt m’għandna niddivorzjaw l-ekonomija minn mas-saħħa mentali. Mhux l-ewwel darba li kien hemm impjegat li sab kollega mejjet b’suwiċidju fuq il-lant tax-xogħol. Esperjenza trawmatika li twassal għal ħafna wġigħ mhux biss għall-familja, iżda anke għall-kollegi li kienu jaħdmu miegħu,” qal imħasseb Dott. Xuereb.

€1,300 spiża għal kull lavrant minħabba problemi ta’ saħħa mentali

Dan il-Psikjatra kkwota statistika maħruġa mill-Unjoni Ewropea li turi li fl-2019 f’Malta, bejn wieħed u ieħor, l-ispiża għal problemi ta’ saħħa mentali fuq kull impjegat kienet ta’ €1,300. Huwa qal li lavrant Malti jaħdem medja ta’ 39.5 siegħat fil-ġimgħa meta kkomparat mal-ħaddiema fl-UE li jagħmlu 37 siegħa fil-ġimgħa. 

“Dan jista’ jfisser ħafna affarijiet bħal effiċjenza jew bżonn ta’ ħinijiet itwal. Iżda, il-fatt huwa li jekk wieħed iħares lejn il-kotba tal-psikoloġija, it-tendenza u l-policies tal-Gvern f’dawn l-aħħar sni hija li nnaqsu l-ħin tax-xogħol ħalli l-ħaddiema jkunu jistgħu jgawdu aktar ħin liberu mal-familja u għall-passatempi. Aktar ħin personali u ta’ rikreazzjoni,” spjega Dott. Xuereb. 

“Mhux l-ewwel darba li kien hemm impjegat li sab kollega mejjet b’suwiċidju fuq il-lant tax-xogħol. Esperjenza trawmatika li twassal għal ħafna wġigħ mhux biss għall-familja, iżda anke għall-kollegi li kienu jaħdmu miegħu”

MARK XUEREB

Huwa qal li hemm min jissuġerixxi li l-ġimgħa xogħol issir ta’ erbat ijiem flok ħamsa. Dan anke ġie ppubblikat fil-ktieb “The Four Hour Workweek” minn Timothy Ferriss. Dan tal-aħħar jgħid li m’hemmx għalfejn wieħed jistenna biex igawdi u dan b’mod speċjali meta l-ekonomija ta’ żminijietna ma tantx hija affidabbli. 

“Dan il-kunċett huwa dibattibbli imma l-punt huwa li wieħed għandu jgħix iktar u jaħdem inqas. Għad m’hemmx riċerka li tgħid x’inhuwa n-numru ideali tas-siegħat tax-xogħol però, mill-istatistika t’hawn fuq huwa fatt li hemm din il-problema,” kompla Dott. Xuereb. Din il-prattika hija diġà esperimentata f’ċerti pajjiżi fejn il-ħaddiema qegħdin ikollhom tmiem il-ġimgħa itwal fuq bażi permanenti. 

Inizjattivi għall-ħaddiema jistgħu jkunu s-soluzzjoni

Hemm riċerka li turi li meta impjegat ikun ħerqan li jidħol għax-xogħol, il-kontribut tiegħu fil-kumpanija jkun aħjar. Fattur importanti li dwaru hemm ħafna riċerka, huwa l-ambjent ta’ fejn wieħed jaħdem. Ktieb ieħor, din id-darba mill-perit famuż Steve Houseworth, “A Fresh Look at Improving Your Work Environment”, jitkellem dwar kif l-għan ta’ kull kumpanija huwa li jipproduċu ħafna u jgħid kif  fatturi bħal dawl tajjeb, siġġu komdu, skrivanija organizzata, pjanti u fjuri, tieqa b’veduta sabiħa, inkwadri, arja u temperaturi ottimali, inqas distrazzjonijiet u waqfien regolari (breaks), jgħinu ħafna lill-ħaddiema. 

Barra minn Malta hemm inizjattivi apposta fost eżempji hemm il-kumpanija tal-karozzi “Volvo” fir-Renju Unit fejn snin ilu l-uffiċini tal-impjegati kienu diġà mgħammra u aċċessibbli b’faċilitajiet ta’ Spa, sauna, kamra b’mużika pjaċevoli u sufanijiet komdi

Volvo skoprew li meta kumpanija tagħmel dan l-investiment fis-saħħa mentali tal-ħaddiema, jgħin fil-produzzjoni globali tal-istess kumpanija. L-impjegat huwa aktar kuntent u sussegwentement jgħin u jagħti aktar lill-kumpanija.

Manager tal-kriżijiet fil-kumpaniji

Meta wieħed jikkonsidra l-fatturi ta’ riskju għas-saħħa mentali tal-ħaddiema, “ikun tajjeb allura li ma jissottovalutawx dawn l-aspetti. Wara kollox l-investiment fl-impjegat u fl-ambjent tiegħu jista’ jwassal għal aktar produzzjoni u kuntentizza fejn id-dipartiment tar-riżorsi umani jkunu aktar sodisfatt bit-tim tiegħu”.

Minħabba d-diversi diffikultajiet li jistgħu jkollhom l-impjegati lokali, il-Kap tal-Crisis Team jemmen fl-importanza li jkun hemm qafas legali fl-Att tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju biex fil-kumpanija jkun hemm manager tal-kriżijiet li jkun viġilanti għal sinjali ta’ stress u problemi serji fost il-ħaddiema.

Il-Kap tal-Crisis tim qal li, “l-impjegati jista’ jkollhom il-problemi fis-saħħa fiżika u mentali tagħhom u għalhekk min ikollu dipressjoni, vizzji, problemi ta’ qalb jew ta’ pressjoni, dawn jistgħu jiggravaw f’ambjent mhux ideali fuq il-lant tax-xogħol”.

Minn mindu bdiet il-pandemija tal-Covid-19, ta’ kull sena l-Crisis Resolution tellgħu kors għall-impjegatiu għad-diretturi. “Sar ġemelaġġ ma’ kumpaniji kbar u anke mal-unjins fejn għamilna stħarriġ u taħditiet fuq is-suwiċidju, il-prevenzjoni tiegħu u l-immaniġjar tal-kriżijiet fuq ix-xogħol. Kellna mpatt pożittiv ħafna u hemm ħafna organizzazzjonijiet fosthom tal-edukaturi, tal-Knisja, tal-Gvern u anke tal-privat li kienu proattivi,” qal b’sodisfazzjoni Dott. Xuereb.

Statistika li għalaq biha hija mid-WHO li  turi li għal kull dollaru Amerikan investit fil-problemi tas-saħħa mentali, dan isarraf lura erba’ dollari f’saħħa u produzzjoni aħjar. “Dan ifisser li jekk il-Gvern jinvesti fis-saħħa mentali fuq il-lant tax-xogħol, statistikament din twassal għal gwadann kwadruplu,” temm Dott. Mark Xuereb.

Riskji għas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol:

  • Nuqqas ta’ policies u tagħmir tas-saħħa u s-sigurtà;
  • Nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-lavranti u s-superjuri tagħhom;
  • Nuqqas ta’ involviment tal-ħaddiema fid-deċiżjonijiet u l-istrateġiji;
  • Nuqqas ta’ għajnuna għall-impjegati;
  • Nuqqas ta’ flessibbiltà;
  • Nuqqas objettivi ċari fil-kumpanija.
Ekonomija

Sport