Sunday, May 19, 2024

DAQQA T’ID GĦAX ĦADD M’GĦANDU JERFA’ SALIB LI MA JIFLAĦX

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar jiem il-Knisja fakkret l-umiltà ta’ Sidna Ġesù Kristu li insista mad-dixxipli tiegħu li jaħslilhom riġlejhom. Pietru jirrifjuta, iżda kif Ġesù nsista miegħu b’umiltà huwa qallu li mhux riġlejh biss, imma anke idejh u saqajh.

Sfortunatament l-umiltà ħafna drabi hija rikonoxxuta l-iżjed f’dawk li fil-maġġorparti ta’ ħajjithom jgħixu ħajja mimlija tensjoni jiġru minn xogħol għal ieħor lebsin l-iżjed ħwejjeġ fini u puliti. Minkejja dan li tkun umli tista’ tfisser ħafna affarijiet u l-umiltà lejn xulxin nistgħu nesprimuha fuq livell kollettiv f’soċjetà iżjed magħquda.

Għalkemm għal ħafna l-umiltà hija meta xi ħadd imlaħħaq, xi ħadd fl-ogħla karigi, xi ħadd li biex isib ħin għall-familja tiegħu stess irid jagħmel wegħda, aħna nemmnu li kull ħaddiem, għandu kontribut b’saħħtu lejn din is-soċjetà aktar ħanina.

Forsi l-aktar impjieg li beżżgħuna bih minn ċkunitna kien dak tal-ġbir tal-iskart. Konna nisimgħu l-verżjoni ripetuta li jekk ma niħdux l-iskola bis-serjetà konna se nispiċċaw niġru wara t-trakk taż-żibel qalb il-ħmieġ ta’ ħaddieħor. Meta jkun hemm xi imprevist u għal xi raġuni dan is-servizz jittardja jew jiġi sospiż temporanjament, dlonk naraw ħafna kummenti b’reazzjoni mħallta ta’ rabja u konfużjoni hekk kif minkejja li ħadd ma jrid jiġbor iż-żibel ta’ ħaddieħor, ħadd ma jrid iż-żibel wara biebu.

Ilbieraħ iċċelebrajna wkoll il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu u nemmnu li jeħtieġ li verament inqumu bħala soċjetà kontra l-inġustizzji. Għalkemm fl-aħħar xhur il-gvern ta dak li hu tagħhom bid-dritt lil numru ta’ persuni fejn jidħlu l-ħlasijiet u wiegħed ukoll li se jkompli jagħti dak li hu tagħhom lil numru ta’ oħrajn li baqgħet ma saritx ġustizzja magħhom, hemm oħrajn li qegħdin jitkarrbu għall-ġustizzja fil-Qrati tagħna.

Nemmnu li ma nistgħux nibqgħu nkaxkru saqajna quddiem l-ammont ta’ kawżi li qegħdin jkomplu jżidu l-lista twila ta’ stennija. Mhux biss, id-differimenti fil-Qrati huma waħda mill-akbar weġgħat ta’ dawn il-persuni. 

Persuna li minn seduta għall-oħra tittama li ma jkunx hemm differiment biex tkun tista’ tnaddaf isimha. Pjaga oħra hija l-flejjes li tirrikjedi l-kawża, liema spejjeż persuna tista’ tispiċċa fihom biex tħallas il-prezz ta’ ħaddieħor. 

Nemmnu bis-sħiħ li l-qawmien f’dan is-sens jista’ jservi biex l-awtoritajiet iservu ta’ Xmun iċ-Ċirinew u jgħinu lil dawn il-vittmi ta’ inġustizzji biex ma jibqgħux mgħaffġin taħt it-toqol tas-salib. Ma nistgħux nibqgħu nkarkru saqajna u r-riformi li hemm bżonn jeħtieġ li jsiru kemm jista’ jkun malajr.

Sport