Friday, November 29, 2024

Is-Swieq f’ Malta

Aqra wkoll

Il-konsumaturi għandhom rwol importanti fl-ekonomija.  Dan għaliex huma joħolqu d-domanda sew għal prodotti u anki servizzi f’sistema fejn int għandek l-ekonomija taħdem fuq il-prinċipju tas-Suq.  

Fit-tijorija l-konsumaturi dejjem jirrenjaw u jiddettaw għaliex bħal ma diġa’ għedna huma joħolqu d-domanda.  Biss dan iseħħ jekk is-Suq ikun jaħdem perfettament.  Ftit hawn Swieq li jaħdmu b’dan il-mod minħabba ċirkostanzi.  Per eżempju, post bħal Malta fejn il-post hu żgħir, il-kompetizzjoni hi limitata.  Ma jfissirx li m’hawnx kompetizzjoni.  Biss din ma tkunx qawwija ħafna.  Ir-raġuni hi li wara ftit ta’ kompetizzjoni l-affarijiet jimmansaw ħafna.  Dawk in-negozji li jkunu dominanti jkunu huma li jibnu il-kundizzjonijiet tas-Suq.  

Fi swieq akbar, il-kompetizzjoni tkun aktar ħarxa għaliex minħabba l-kobor.  Dejjem hemm spazju għal xi ħadd li jiftaħ negozju ġdid u joħloq ċirkostanzi ġodda li jħajru lill-konsumaturi jixtru mingħand dan in-negozju ġdid b’tali mod li in-negozji anki dawk dominanti jkollhom jiċċaqalqu billi jbaxxu l-prezzijiet u joffru prodotti u servizzi ġodda biex iżommu l-parti tas-Suq tagħhom.  

F’post żgħir, dan iċ-ċaqliq ikun ħafna aktar bil-mod.  Nieħdu eżempju tas-supermarkets f’Malta.  Meta xi snin ilu, daħlet ditta kbira tas-supermarkets f’pajjiżna u barra l-affarijiet tal-ikel bdiet toffri prodotti oħra, kien hawn ċaqliq kbira.  Ħafna mill-konsumaturi bdew imorru jixtru mingħand din id-ditta ġdida għaliex kienu qed joffru prodotti ġodda bi prezz baxx meta tqabblu ma’ ta’ ħwienet oħra barra mudell ta’ negozju ġdid.  Tiftakru li kien ikun hemm kjus qabel ma jiftaħ biex in-nies jassiguraw li jilħqu dawk il-prodotti li jixtiequ.

Din kienet ċaqalqet lill-ħwienet tal-merċa Maltin u dawn biex iżommu l-klijenti tagħhom niżżlu l-prezzijiet b’mod li jikkompetu ma’ din id-ditta barra li bdew joffru varjeta’ ta’ prodotti ħafna akbar minn qabel.  Tul dan iż-żmien, il-konsumatur mar tajjeb.

Biss dan ma tantx dam, għaliex anki d-ditta kbira għarfet il-pożizzjoni tagħha u bdejna naraw li l-prezzijiet jitilgħu – prezzijiet li għadhom telgħin sal-lum.

Minkejja dan, ftit kien hawn tgergir bħal ma kien jiġri qabel.  Ir-raġuni hi li l-ekonomija kibret u l-konsumaturi sabu li aktar għandhom flus fil-but.  Għalhekk ma tantx ħabblu rashom.  

Fil-fatt dan kellu wkoll effett fuq l-ilmenti tal-konsumaturi.  Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar konna qed naraw konsumaturi li filwaqt li fil-bidu ta’ ilment ikollhom ċerta ħeġġa biex jieħdu d-drittijiet tagħhom, issa l-konsumatur jagħmel l-ewwel sforz u kif jara li l-affari ser tieħu ż-żmien, jiddeċiedi li aħjar jixtri prodott ġdid u ma jaħlix aktar ħin.  Ma jfissirx li l-konsumaturi kollha għamlu hekk għax xorta għad hawn konsumaturi li jibqgħu jirsistu biex jieħdu dak li ħallsu għalih.  

Huma dawn il-konsumaturi li għandhom rwol importanti għaliex huma jkunu dawk li jġibu ċerta kontroll.  Il-kontroll mhux biss iġibuh fuq in-negozji iżda wkoll fuq l-Awtoritajiet.  Dan għaliex huma dawn il-konsumaturi li jkunu li jċaqilqu lil dawn l-Awtoritajiet biex jinfurzaw il-liġijiet permezz tal-ilmenti tagħhom.

Nieħu eżempju ieħor.  Mill-ilmenti li l-Għaqda tal-Konsumaturi kienet irċeviet, ittendejna li bdew isiru ċerti abbużi.  Xi wħud mill-ilmenti indikaw li l-prezz ma kienx qed jinkludi l-VAT meta l-liġi Maltija, u aħna naqblu, il-prezz irid ikun wieħed finali inklużi t-taxxi.  Meta ġbarna d-dettalji, għaddejnihom lil tal-VAT biex jieħdu azzjoni.

In-nuqqas ta’ kompetizzjoni nsibuha wkoll f’oqsma oħra.  Is-suq tal-banek hu suq fejn int għandek nuqqas ta’ kompetizzjoni.  Illum dan is-suq hu dominat minn żewġ banek kbar u tnejn oħra iżgħar minnhom.  Hawn il-konsumaturi ftit li xejn għandhom influwenza għaliex il-banek mhux biss ifasslu s-suq li jridu huma għall-konsumaturi iżda anki fuq il-gvernijiet.  Effett ta’ dan rajna charges aktar għoljin, bdew jagħlqu branches f’ċerta inħawi u saru jaqlgħulek ruħek anki biex tuża flusek.  Dan ġara għaliex il-kompetizzjoni hi limitata ħafna.

Dan in-nuqqas ta’ kompetizzjoni ġejja minħabba li ftit huma dawk in-nies li jħarsu lejn dan is-suq ewropew bħala suq wieħed.  Il-konsumaturi normali jsibuha diffiċli li jużaw il-banek ewropej.  Dan għaliex il-konsumaturi jsibu quddiemhom ħafna inċertezzi barra l-fatt li jekk iċċaqlaq il-flus f’banek barranin mal-ewwel jaħsbu li int imdaħħal f’xi balbuljata u jagħmlulek ħajtek miżerja. 

Hemm tlett affarijiet oħra.  Minkejja li suppost li s-Suq Wieħed kien għan prinċipali tal-Unjoni Ewropea ftit saru passi biex dan iseħħ.  Dan iġibna għat-tieni nuqqas li hu dak ta’ informazzjoni sew kif jaħdmu s-swieq barranin, kif huma kkontrollati u x’inhuma l-affarijiet li jistgħu jipproteġu l-konsumaturi barra l-fatt li r-regolamenti f’kull pajjiż għadhom differenti wisq.  

L-informazzjoni hi importanti.  Nerġgħu nieħdu s-suq lokali tal-banek.  Kemm għandek nies li jafu bil-fond li hemm li jħares lill-konsumaturi jekk bank li jkun f’din l-iskema jfalli.  Kemm għandek nies li jafu bl-Arbitru tas-Servizzi Finanzjarji?  Għad għandek nies li għadhom jaħsbu li dan is-suq hu bħal ma kien fl-antik.  Hu għalhekk li ħafna mill-konsumaturi għadhom ipoġġu flushom fil-banek il-kbar għaliex huma la jafu u lanqas jekk tinfurmahom ma jemmnu fil-protezzjoni li jkollu konsumatur jekk jiddepożita f’bank li għalkemm ma hux kbir, qed fl-iskema ta’ dan il-fond, u qed jagħti interessi akbar milli qed jagħtu l-banek il-kbar xorta hu protett.  Dan barra l-fatt li l-banek tant jimlewk b’informazzjoni kkomplikata u b’lingwaġġ li ma jifthimx, li l-maġġoranza jaqtgħu qalbhom biex jippruvaw jaqrawha.

Imma l-akbar ostaklu biex is-swieq Maltin ikunu aktar kompetittivi hu li l-Awtoritajiet li għandna m’għandhomx ħeġġa biex jassiguraw dan.  F’pajjiżi oħra, dawn l-Awtoritajiet jinvestigaw u ma joqogħdux jistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqhom għalkemm anke meta jiġri hekk illum jiffaċċjaw ostakoli bl-aħħar liġi li għaddiet fil-qasam tal-konsumaturi li kważi kollox irid jispiċċa l-qorti fejn il-proċeduri peress li għadhom antikwati jieħdu snin biex jiġu deċiżi.

Biex nuri d-differenza nsemmi żewġ eżempji li ġraw dan l-aħħar.  Fl-Italja, ir-regolatur tal-Kompetizzjoni għadu kemm waħħal mijiet ta’ miljuni lil akbar 4 kumpaniji kbar fil-qasam tat-telekommunikazzjoni għax sab li kien hemm kollaborazzjoni bejniethom biex jisolħu l-konsumaturi.  Fir-Renju Unit, fejn is-suq tal-enerġija hu miftuħ iżda ddominat min-numru, sitt kumpaniji kbar, ir-regolatur għadu kemm iddeċieda biex inaqqas il-prezzijiet tal-enerġija u anki il-ħlas tal-meters.  Ofgem, ir-regolatur, jinvestiga l-prezzijiet kull sitt xhur u fuq dak li jsib jieħu azzjoni.  

L-effett ta’ nuqqas ta’ dinamika fl-awtoritajiet tagħna hu wieħed kbir.  Insemmi ż-żieda fil-prezzijiet tal-Benna.  Din għandha pożizzjoni dominanti fis-suq Malti.  Meta din ħabbret li ser tgħolli l-prezzijiet, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA ħabbar li ser jinvestiga.  Personalment ħadt ir-ruħ għax għidt fl-aħħar bdejna niċċaqilqu.  Iżda tant ħadet żmien li s’issa għadha ma dehritx għalkemm infurmat li suppost kellha tkun lesta fl-ewwel xhur ta’ din is-sena.  Il-Gvern ma qagħadtx jistenna dan kollu u llum ħareġ ċekk biex in-nies ikopru l-ispejjeż ta’ din iż-żieda fil-prezz.  

Din mhux l-ewwel darba li ġrat.  Kienet ġrat ukoll meta kien hemm żieda u dominanza fl-uniformijiet tat-tfal tal-iskola.  Tant kienet ħadet żmien l-investigazzjoni li kien il-Ministeru tal-Edukazzjoni li solva din il-problema billi ħa ċerta passi qabel ma r-rapport tal-investigazzjoni tħabbar.

Dan iġibni għal ftit mistoqsijiet.  Kemm qed isiru invetigazzjonijiet mir-regolaturi Maltin biex jassiguraw li s-swieq tagħna qed jaħdmu tajjeb?  Kemm saru investigazzjonijiet fil-passat u kemm kienu l-multi imposti biex jikkontrollaw il-cowboys li hawn u jassiguraw li dawk in-negozji li jaħdmu sew qed jiffaċċjaw suq ġust u l-konsumaturi jgawdu l-benefiċċji tal-kompetizzjoni?

Sport