Wednesday, July 24, 2024

Isellem lil sieħbu minn Malta… Alex Vella tar-Rebels jaqra poeżija fil-funeral

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Dan hu s-seba’ Milied li fih Alex Vella, li kien il-mexxej tar-Rebels fl-Awstralja, baqa’ bogħod minn familtu fl-Awstralja. Dan wara li l-Gvern Awstralja fis-sajf tas-sena 2014 kien iddeċieda li ma jħallihx jidħol fl-Awstralja. Battalja li għamel Alex Vella, li familtu oriġinarjament hi mill-Manikata, ma kellha ebda suċċess.  Fl-aħħar jiem, Alex Vella, reġa’ ingħaqad ma’ sħabu tar-Rebels permezz ta’ video link Hu qara poeżija emozzjonanti fil-funeral ta’ sieħbu, Nick Martin, li kien il-mexxej ġdid tar-Rebels. Nick Martin inqatel jiem ilu, minn sniper waqt li kien qed isegwi tiġrija flimkien ma’ oħrajn.

Alex Vella, qara l-poeżija waqt li fl-isfont kien hemm il-bandiera tar-Rebels f’Malta. Alex, fil-funeral iddikjara li “ma kellhomx il-kuraġġ li jiffaċċja lil Nick.  Sparawlu minn 300 metru bogħod.”

Alex Vella, il-biker Malti Awstraljan ilu mis-sena 2014 maqbud f’pajjiżna. Hu kellu talba għal ‘leave speċjali’ rifjutata.  Vella spiċċa maqbud f’pajjiżna minħabba li l-Gvern Awstraljan stennieh joħroġ mill-Awstralja u mbagħad irtiralu l-Visa. Vella kien għal vaganza f’Malta meta seħħ dan.

Alex Vella kemm-il darba tkellem ma’ L-ORIZZONT. Il-biker li hu l-mexxej tal-akbar klabb tal-mutur fl-Awstralja ‘Rebels’, kien ingħata sentenza mill-Qorti Awstraljana fejn fiha l-Prim Imħallef Robert French u l-Imħallfin Virginia Bell u Stephen Gageler, f’deċiżjoni unanima iddeċidew li ma jagħtux leave speċjali lil Vella biex jidħol fl-Awstralja. Hu ilu sa minn dakinhar mifrud minn martu u uliedu.

Alex Vella integra sew fil-komunità Mostija, fejn ta’ kull filgħodu jiltaqa’ u jissoċjalizza ma’ għadd ta’ persuni fil-Mosta f’ħanut tat-te partikolari fil-pjazza tal-Mosta u anke jmur il-quddies kuljum.

Vella fil-Qorti sostna li l-gvern Awstraljan kien naqas milli joffrilu ġustizzja naturali.

Kien ddikjara ma’ L-ORIZZONT ftit sigħat wara li ġiet kanċellata l-visa li, “Ħallewni noħroġ mill-Awstralja u għalquli l-bieb. Din hi logħba li l-awtoritajiet Awstraljani ilhom jilagħbu miegħi. Din hi daqqa minn wara. Jien se niġġieled bil-qawwa kollha. Ġratli darbtejn oħra, waħda minnhom seba’ snin ilu u kelli wkoll niġi lejn Malta. Waqqfuli l-visa bla raġuni ta’ xejn. Għamlu hekk għax jafu li hu diffiċli għalija li minn hawn niġġieled il-każ.”

Kien spjegalna  kif għal darb’oħra l-awtoritajiet Awstraljani ddeċidew li jittrattawh b’mod inġust meta sten­newh joħroġ mill-Awstralja u meta raw li sar dan, irrevokaw­lu l-visa.

“M’għandhomx raġuni għaliex jagħmlu dan. Din hi xi ħaġa li ilhom jagħmluha miegħi,” kien qalilna Alex Vella li llum għandu 66 sena.

Ekonomija

Sport