Sunday, December 22, 2024

Isorġi l-ewwel cruise liner fil-mollijiet ġodda ta’ Pinto

Aqra wkoll

Infrastructure Malta tħabbar l-irmiġġ tal-ewwel cruise liner mal-moll il-ġdid ta’ Pinto 4 u 5. Dan kien ifisser tragward importanti f’dak li huwa investiment marittimu infrastrutturali. Dan il-proġett sar bħala parti minn proġett b’investiment ta’ €25 miljun bil-għan li jkun estiż il-moll u jsir il-bini mill-ġdid tax-xatt ta’ Lascaris.

Il-moll ġie estiż b’15-il metru biex jakkomoda l-irbit ta’ cruise liners mingħajr l-użu ta’ braken. Ix-xahar li għadda il-kuntrattur għalaq ix-xogħlijiet fuq in-naħa ta’ barra tal-moll, bix-xogħlijiet fuq in-naħa ta’ ġewwa mistennija jitkomplew tul iż-żmien li ġej.

Hekk kif jitlesta l-proġett, dan il-moll ta’ 350 metru se jintroduċi spazju ġdid ta’ irmiġġ tant meħtieġ u adegwat f’din il-parti tal-Port il-Kbir. Dan il-moll kontinwu se jestendi fuq medda ta’ 5,200 metru kwadru. Il-periti ta’ Infrastructure Malta ppjanaw il-moll b’disin ġdid u aktar sigur biex jiffaċilita l-irmiġġ ta’ bastimenti sa tul ta’ 320 metru. Il-moll il-ġdid se jiġi attrezzat bl-installazzjoni ta’ bollards u fenders ġodda li jipprevjenu ħsarat lill-bastimenti u lill-istruttura tal-moll.

B’dan l-investiment li kien kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Koeżjoni, il-faċiltajiet mhux biss se jtejbu l-effiċjenza operattiva tal-Port il-Kbir imma wkoll se tipprovdi lill-awtoritajiet marittimi b’aktar flessibilità u disponibilità fl-allokar ta’ faċilitajiet fejn bastimenti ikunu jistgħu jsorġu.

Fl-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-industrija tal-cruise liners, dan il-proġett se jikkumplimenta l-isforzi bla waqfien tal-Gvern fir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

Ekonomija

Sport