Sunday, December 22, 2024

Issa nistgħu biss inħarsu ‘l quddiem b’kuraġġ, qalb u determinazzjoni – Dr Anton Tabone – president Victoria Hotspurs

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Victoria Hotspurs hu wieħed mill-klabbs ewlenin f’Għawdex. Matul dan l-istaġun kienu qed jilagħbu fit-tieni diviżjoni tal-Gozo Football League wara r-relegazzjoni li sofrew. Minkejja kollox, huma xammru l-kmiem u bdew jaħdmu sabiex dan ikun staġun li jibqgħu jiftakru. Huma rnexxielhom jirbħu tliet unuri prinċipali iġifieri l-kampjonat tat-tieni diviżjoni, iċ-Challenge Cup u n-KO tal-istess kategorija.

Dr Anton Tabone hu l-president ta’ Victoria Hotspurs. Hu rritorna f’din il-kariga wara nuqqas ta’ tliet snin fejn reġa’ ġab enerġija kbira fi ħdan it-tim li sa sena ilu għadda minn diżappunt kbir.

Sadanittant l-istess tim mill-belt kapitali Għawdxija saru membri fi ħdan l-MFA wara li applikaw sabiex jieħdu sehem fl-Amateur League 2. B’hekk huma daħlu fl-istorja li saru l-ewwel tim Għawdxi li se jipparteċipa f’kampjonat tal-MFA.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Dr Tabone fejn kellimna dwar dan l-istaġun li hu jqisu bħala maġiku.

Irnexxielkom takkwistaw tripletta ta’ suċċessi. X’kien is-sigriet ta’ dan kollu?

L-ewwel u qabel kollox konna għadna kemm inżilna għat-tieni diviżjoni u kulħadd kien iddispjaċut għal dak li ġara. Minkejja kollox, dan id-diżappunt dawwarnih f’opportunita’ u għaqqadna l-enerġiji kollha tagħna sabiex dan il-klabb storiku ntuh lura l-post li jixraqlu. Fil-kuntest tat-tieni diviżjoni bnejna tim b’saħħtu u ressaqna plejers stabbiliti u bil-ħidma tat-team manager Marvin Buttigieg armajna tim li bih inkunu b’saħħitna biżżejjed. F’Jannar li għadda waqt is-suq tat-trasferimenti neħħejna tliet plejers u daħħalna tlieta oħra u naħseb li verament kellna staġun mill-aqwa. 

Issa ħadtu l-aħbar li se tkunu qed tipparteċipaw fl-Amateur League 2 tal-MFA. Bla dubju li tridu ssaħħu sew l-iskwadra.

Iva bla dubju se nkunu qed nibdew il-ħidma tagħna sabiex insaħħu l-iskwadra filwaqt li nżommu l-plejers stabbiliti li tawna dawn is-suċċess riċenti.

Kif tara l-livell tal-Amateur League Malti. Tarah li hu superjuri għat-tieni diviżjoni Għawdxija jew inkella hemm l-istess livell?

Pjuttost ngħid li hemm l-istess livell issa li anke f’din id-diviżjoni hemm timijiet li se jkollhom l-istess kalibru. Iġifieri se nkunu qed nikkompetu sabiex aħna jkollna tim li jagħmilha fl-ewwel postijiet ovvjament nimmiraw ukoll għall-promozzjoni.

Iżda x’kien il-ħsieb li tmorru tilagħbu fl-Amateur League Malti?

Dan il-ħsieb kien ilu ġej fil-verita’. Għalina kien pass kbir li ħdimna għalih jum wara jum. Din is-sena niċċelebraw il-75 anniversarju nipparteċipaw f’kampjonati kompetittivi. Aħna konna qed nieħdu sehem f’kampjonat reġjonali li għandi rispett kbir għalih iżda li kien limitat biss għal Għawdex. Kien wasal iż-żmien li noħorġu minn dan il-kampjonat u mmorru għall-kompetizzjonijiet organizzati mill-MFA. Is-sena d-dieħla se nkunu qed nilagħbu fl-Amateur League 2 u l-għan tagħna ovvjament hu li nitilgħu tarġa tarġa u nibdew naħsbu għal ambizzjonijiet kbar. 

Nemmen li kienet naqsitilna l-ħeġġa li nikkompetu f’Għawdex, aħna rbaħna diversi trofej fil-kampjonati organizzati mill-GFA u issa ridna mmorru għal xi ħaġa ġdida b’entużjażmu. Dan il-vot ġie aċċettat u ninsabu kuntenti li d-delegati Maltin emmnu fil-proġett tagħna. Fil-kampjonati Maltin għandna opportunita’ ġdida biex nimirħu għall-affarijiet isbaħ.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-grawnds fejn jintlagħab il-logħob tal-futbol Għawdxi?

Bla dubju li l-Gozo Stadium hu ta’ livell tajjeb ħafna bil-kwalita’ tat-turf li hu miżmum u l-ambjent hu ferm attraenti. Il-kampjonat tat-tieni diviżjoni kien qed jintlagħab f’Kerċem li għandu limitazzjonijiet kbar speċjalment għax mhux full size pitch apparti li hemm dak il-ħajt li l-partitarji qegħdin mal-linja ta’ barra. Hemm ukoll riskju għall-plejers li jistgħu jibdew deħlin ġol-ħajt minħabba li hemm ftit taċ-ċokon.

Issa hemm il-grawnd tas-Sannat li sarlu ristrutturar kbir u jidher li se jkun il-grawnd sostitut tal-Gozo Stadium li wkoll narah attraenti.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-kontroll tar-referees?

Ir-referees li jiġu jikkontrollaw il-logħob tal-futbol Għawdxi daqqa jkunu Maltin u oħrajn Għawdxin. Inġenerali ma nistax ingerger fejn għalkemm inkunu sofrejna minn xi deċiżjonijiet mhux daqstant tajbin, jekk inqabbluh ma’ staġun kumplessiv ma nistax ingerger. Jekk irrid inkun oġġettiv, il-kontroll li jkun hemm mill-uffiċjali tal-logħba hu wieħed tajjeb. U għalhekk nasal biex ngħid li ħaqqhom prosit għax b’mod ġenerali qed jagħmlu xogħol tajjeb.

Hemm xi ringrazzjamenti li trid tagħmel speċjalment wara dan is-suċċess li ksibtu bħal Victoria Hotspurs FC f’kull sens?

L-ewwelnett niddedika s-suċċessi li ksibna fil-kompetizzjoni KO, fit-tazza u fil-kampjonat lill-plejers kollha li ħadmu qatigħ sabiex illum il-ġurnata nistgħu niċċelebraw. Dawn il-plejer kellhom dedikazzjoni kbira u anke meta l-affarijiet ma tantx kienu sejrin tajjeb, bqajna magħqudin u ksibna dak li xtaqna. It-team manager Marvin Buttigieg kien strumentali sabiex rama tim b’saħħtu u flimkien mal-kumitat ħabrieki li kellna dejjem ġbidna ħabel wieħed. Dawn kollha żgur li ħaqqhom grazzi.

Ma nistax ma nirringrazzjax ukoll lill-partitarji akkaniti tagħna li minkejja r-relegazzjoni li sofrejna fl-istaġun li għadda, baqgħu magħna għax għandhom ċerta passjoni lejn dan it-tim glorjuż.

Grazzi b’mod speċjali lill-istess kumitat li aċċettani lura u stajt inkompli l-ħidma tiegħi.

U fuq kollox, grazzi lil dawk id-delegati tal-MFA li tawna l-vot tagħhom sabiex ġejna aċċettati bħala membru f’din l-assoċjazzjoni. Issa nistgħu biss inħarsu ‘l quddiem b’kuraġġ, qalb u determinazzjoni!

Ekonomija

Sport