Sunday, December 22, 2024

Isservi ta’ spalla għal ħaddieħor wara l-esperjenza ta’ ħuha bil-leukemia

Aqra wkoll

Frances Stagno għandha 50 sena u hi minn San Ġiljan. Ftit tax-xhur ilu kellha esperjenza xejn sabiħa meta ħuha Joseph Gauci kien marid bil-leukemia. Kien żmien xejn faċli għal din il-familja partikolarment ħuha li kellu jgħaddi minn intervent wara l-ieħor sabiex saħħtu tmur għall-aħjar. Kellu jmur fil-belt ta’ Sutton fl-Ingilterra sabiex jieħu trattament speċjalizzat u eventwalment jiġġieled din il-kundizzjoni li ħakmitu. Oħtu Frances iddeċidiet li titla’ miegħu sabiex apparti li tkun ta’ spalla għalih, tagħti lil ħuha s-sostenn kollu neċessarju f’dan iż-żmien diffiċli.

Għalkemm it-tnejn li huma esperjenzaw tbatija xejn sabiħa, kien hemm il-lat pożittiv minħabba li riċentement Joseph fieq mill-leukemia u issa qed iħares ‘il quddiem sabiex ikompli jgħix ħajtu.

Talk.mt għamel kuntatt ma’ Frances Stagno li rrakkuntat bl-aktar mod dettaljat dak kollu li kellu jaffaċċjaw tul iż-żmien tagħhom fl-Ingilterra. 

L-ewwel u qabel kollox, Frances xtaqet tirringrazzja lil diversi entitajiet li kienu ta’ spalla f’dak il-mument xejn sabiħ li għaddew minnu.

“Nixtieq nirringrazzja lill-Community Chest Fund, lil Puttinu Cares u anke lill-Gvern Malta li kien qed jgħin ukoll fl-ispejjeż tal-mediċini li kien qed jieħu ħija. Żgur li mingħajr dawn l-entitajiet, is-sitwazzjoni kienet tkun iktar diffiċli.”

“Wieħed jista’ jobsor li l-mument kien wieħed ferm iebes fejn tesperjenza t-tbatija fl-ewwel persuna. Tara diversi pazjenti li għandhom il-problemi tagħhom u l-familjari tagħhom li jħossu għal dak li jkun qed iġarrab il-persuna qribhom. Hu f’dak il-mument ukoll li importanti li tibqa’ pożittiva għax inkella n-negattività faċli tirkbek.”

Iżda x’kienet dik il-forza li ħalliet lil Frances tibqa’ għaddejja speċjalment b’dak li ġralu ħuha? 

Hi ddeskrivietha bħala forza mirakoluża li żammitha pożittiva u fuq kollox lesta sabiex tgħin lil ħuha li kellu bżonn l-għajnuna tagħha. Hi xi ħaġa normali li f’dan iż-żmien tħoss in-nuqqas tal-familjari tagħha b’mod partikolari tar-ragel u t-tfal.

F’dan l-istadju, Frances tgħidilna li hu importanti li tgħix ġurnata b’ġurnata u dejjem tittama fil-pożittiv. Wara kollox il-leukemia mhux xi riħ normali u huwa għalhekk li t-tobba jiddedikaw tant ħin mal-pazjenti tagħhom li flimkien mal-infermiera jindukrawhom mill-aħjar li jistgħu.

U kien hawnhekk li Frances reġgħet irringrazzjat lill-Community Chest Fund, Puttinu Cares u anke lill-gvern Malti li nvestew sabiex ikun hemm l-appartamenti u d-djar f’Sutton fejn prattikament min imur hemm ma jkun jonqsu xejn.

“Nista’ ngħid li konna milqugħin sew u fiż-żmien li konna hemm kellna l-kumditajiet kollha meħtieġa, bi ħwienet tal-merċa viċin u bl-isptar li wkoll kien tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod. Allaħares ma kienx hekk għax l-affarijiet li kienu diġà kkumplikati, kienu jsiru aktar diffiċli.”

Iżda Frances ġieli saqsiet lilha nnifisha għaliex kellhom ikunu proprju huma li jġarrbu din it-tbatija?

Hi tgħid li għall-bidu ma tkunx tista’ temmen iżda bil-ħin tinduna li f’dik is-sitwazzjoni tista’ tagħmel żewġ affarijiet, jew tikkrolla psikoloġikament jew inkella tissielet mal-mewġ tal-ħajja sabiex tqum. Hi għażlet it-tieni għażla, anzi dejjem ħasbet b’mod pożittiv sabiex b’hekk tkun iktar faċli għaliha sabiex tikkumbatti b’mod sħiħ.

Illum il-ġurnata, Frances Stagno tħares b’mod differenti lejn il-ħajja wara l-esperjenza li għadda minnha ħuha.

“Fejn qabel il-ħajja kont toħodha kif jgħidu l-Ingliżi for granted, illum il-ġurnata tibda tapprezza iktar it-tajjeb u l-affarijiet pożittivi li tgħaddi minnhom. Għalhekk qed inħares totalment b’mod differenti kif ngħix u fejn qabel forsi fuq il-post tax-xogħol jew fid-dar kont nagħmel in-nervi fuq xi ċuċata, illum lanqas biss nikkunsidra dan kollu.”

“Illum nista’ ngħid li qed napprezza kull ġurnata li l-Bambin qed itini u mhux talli hekk, iżda lesta li ngħin lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna kemm jekk hi daqqa t’id kif ukoll xi parir. Hu sabiħ li tagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor faċli billi tagħti minn dak il-ftit li tista’ li iżda għal ħaddieħor ifisser ħafna.”

Tlabna lil Frances sabiex tgħaddi messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk in-nies li għaddejjin minn esperjenza simili. 

“L-ewwelnett dejjem irridu nirraġunaw li dejjem hemm id-dawl fit-tarf tal-mina. Dan ifisser li t-tama qatt ma tmut. Ovvjament nispera li ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddejna minnu aħna. Iżda jekk jiġri hekk, importanti li qatt ma taqta’ qalbek anzi temmen li tista’ tegħleb dan l-għawġ. Ħija kellu s-sapport morali tal-familja u din għamlet id-differenza kollha.”

“Fuq kollox, importanti li titlob lil Alla sabiex jibqa’ miegħek f’dan iż-żmien partikolari. Alla għinna ħafna f’dan il-mument u t-talb ma naqas qatt.”

Issa l-familja ta’ Frances qed tħares ‘il quddiem lejn is-sena li ġejja sabiex bħal qisu tibda kapitlu ġdid f’ħajjithom wara li temmew wieħed mill-iktar diffiċli ftit tal-ġimgħat ilu.

Fuq kollox, l-appell tagħha għall-Istrina li ġejja fis-26 ta’ Diċembru, proprju l-għada tal-Milied sabiex il-poplu Malti jikkontribwixxi finanzjarjament. 

“L-Istrina tkun dejjem hemm għal min għandu bżonn. Dan tkun tista’ tagħmlu biss bis-saħħa tad-donazjonijiet tagħkom! Grazzi tal-għajnuna! Dawn huma pazjenti li bħalissa qegħdin barra minn xtutna u qed jieħdu l-kura. Ilkoll jgħidulek grazzi!”

Ekonomija

Sport