Il-Malta Amateur Football Association organizzat il-laqgħa ġenerali annwali ta’ tmiem l-istaġun 2022/23 fil-kwartieri ġenerali tal-Malta Football Coaches Association fl-Imrieħel.
Matul dan l-istaġun 22 tim ipparteċipaw fil-kampjonati li kienu maqsuma fi tliet diviżjonijiet. Kull diviżjoni kienet ferm bilanċjata bit-titli rispettivi li kellhom jiġu deċiżi fl-aħħar ġurnata.
Matul din il-laqgħa tkellem il-president tal-MAFA Salvu Borg li qal li l-livell ta’ logħob muri tul il-partiti li ntlagħbu kien wieħed verament għoli filwaqt li sostna li l-interess lejn din l-assoċjazzjoni kompla jiżdied.
Is-segretarju ġenerali David Abdilla ħabbar li żewġ timijiet oħra se jkunu qed jingħaqdu ma’ din l-assoċjazzjoni u dawn huma Mosta Vikings u Ħal Far Titans li se jkunu qed jieħdu sehem Gżira United Sports Club u Fgura Spartans li mhumiex se jkomplu jipparteċipaw.
Abdilla qal li l-assoċjazzjoni ħadmet ukoll fuq il-midja soċjali sabiex iżżid il-viżibilita’ tagħha tant li kien hemm ukoll xi logħbiet li ġew murija b’mod dirett permezz tal-live-streaming.
Finalment Abdilla ħabbar li l-istaġun 2023/24 mistenni jibda nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru meta tintlagħab il-Joe Compagno Cup bejn ir-rebbieħa tal-kampjonat Senglea Gunners kontra r-rebbieħa tan-KO Valletta St Paul’s. Fl-istess ġurnata se tkun qed issir ukoll it-Twanny Agius Fair Play Cup b’turnament triangolari bejn Marsa St Michael, Valletta Stars u Ħamrun Amateurs.