Mara ta’ 40 sena, residenti Raħal Ġdid ittieħdet b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li sofriet ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku f’Santa Luċija.
Kienu għall-ħabta tas-7.30 a.m., xħin il-Pulizija ġiet infurmata permezz ta’ telefonata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Dawret it-Torri, minħabba li seħħet ħabta bejn vettura u mutur.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn il-vettura tal-għamla Kia Sportage, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 37 sena residenti Ħal Tarxien u l-mutur tal-għamla Piaggio, li kien qed jinstaq mill-mara.
Ix-xufiera tal-mutur ittieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hija ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.