Wednesday, April 24, 2024

It-Tabiba twieġeb dwar il-Covid-19

Aqra wkoll

Sezzjoni oħta ta’ Q&AMinn Dr Georgiana Farrugia Bonnici

1) X’inhi d-differenza bejn perjodi ta’ “kwarantina” u ta’ “iżolazzjoni”?

Meta persuna tkun qiegħda fi kwarantina mandatorja, tkun ġiet mitluba tagħmel dan mill-awtoritajiet għaliex tkun ġiet f’kuntatt ma’ persuna oħra li hija infettata, però hija stess għad ma tkunx ġiet pożittiva għall-Coronavirus. Dan isir bi prekawzjoni biex jekk wieħed ikun qed iġorr il-marda tal-Covid-19, jevita milli jkompli jinfetta lill-ħaddieħor.

Dan il-virus għandu perjodu ta’ inkubazzjoni ta’ madwar 14 il-jum. Allura, ladarba wieħed jibda jħoss xi sintomi u jittestja pożittiv għall-Coronavirus, hemmhekk wieħed jintalab biex jibda l-perjodu ta’ iżolazzjoni.  

2) X’għandu jagħmel persuna meta tkun f’perjodu ta’ iżolament fid-dar tagħha stess?

Din il-persuna għandha:

– Toqgħod f’kamra tas-sodda waħedha u ma tagħmel l-ebda kuntatt ma’ nies oħrajn li ma jkunux mgħammrin b’ilbies prottettiv, inkluż membri tal-istess familja jew delivery persons

– Ma tmurx għax-xogħol, jew f’postijiet pubblici oħrajn

– Tippratika iġjene tal-idejn u tal-kumplament tal-ġisem, inkluż it-tindif regolari tas-snien u tal-ħniek

– Iżżomm id-dar ventilata tajjeb

– Idealment tuża kamra tal-banju għaliha waħedha, però jekk dan mhux possibli, allura għandha tkun l-aħħar persuna li tagħmel użu minn din il-kamra kuljum.

3) Għalfejn il-Coronavirus jinqered meta jiġi f’kuntatt mas-sapun jew 70% alkoħol?

Il-Coronavirus fuq il-parti ta’ barra tiegħu għandu membrana tax-xaħam, li tista’ tiġi mdewba kompletament meta tiġi f’kuntatt mas-sapun jew l-alkoħol għal aktar minn 20 sekonda. Għaldaqstant, huma importanti ħafna l-ħasil ta’ l-idejn, u d-diżinfezzjoni ta’ affarijiet materjali li jintużaw spiss.

4) Xi jfisser it-terminu R0?

R0 hija r-rata ta’ infezzjoni, jew aħjar ir-rata ta’ kemm individwi li biha persuna infettatta bil-Coronavirus, statistikament tkun qiegħda tinfetta meta tiġi f’kuntatt ma’ persuni oħrajn. L-imxija tal-Coronavirus hija mgħaġġla, u idealment l-R0 għandu jkun inqas minn 1, sabiex il-miżuri ta’ restrizzjonijiet soċjali jibdew jonqsu.

5) X’avvanzi qed jsiru rigward il-kura tal-Covid-19?

Għadhom kif bdew xi studji bikrin fuq umani, dwar żvilupp ta’ vaċċin, li possibbilment jaf jiġi offrut iktar ’il quddiem. Qed isiru wkoll studji klinici oħrajn, ta’ modifikazzjoni ta’ mediċini eżistenti kontra l-viruses jew parassiti, bħall-Ivermectin, Hydroxychloroquine, Ritonavir u Remdesivir sabiex forsi jkunu jistgħu jattakkaw speċifikament il-Coronavirus minflok.

Riċentament, qed jsiru wkoll xi studji oħrajn fejn persuni li jkunu diġa’ mfejqa mill-virus, jagħtu l-plasma tad-demm tagħhom lil nies oħrajn li jkunu għadhom infettati. Din id-donazzjoni tad-demm jaf taħdem minħabba li d-demm ta’ persuni mfejqa jkun diġa’ fih xi antibodies magħmula mis-sistema immunitarja tal-ġisem, kontra din il-marda.

6) Huwa minnu li nies li jpejpu għandhom iktar riskju? X’għandu jagħmel min ipejjep? Għandu jieqaf issa, jew issa tard wisq?

It-tipjip dejjem ipoġġi lill-ġisem f’riskji ta’ kumplikazzjonijiet fis-sistemi kardjovaskulari, respiratorja u immunitarja. Fir-rigward tal-Covid-19, huwa magħruf li persuni li jpejpu għandhom iktar ċans li jaqbadhom il-virus waqt li jkunu qed iqabbdu s-sigarett u jressquh lejn ħalqhom, u kif ukoll, ġew rapurtati iktar każijiet ta’ kumplikazzjonijiet relatati man-nifs u nuqqas ta’ ossiġnu. Għaldaqstant, wieħed għandu jieqaf ipejjep.

Jekk tixtieq ssegwi l-health blog ta’ Dr Georgiana Farrugia Bonnici, li fih ukoll updates affidabbli u kontinwi fuq il-Covid-19 li huma maħruġin mill-WHO, eCDC, jew awtoritajiet pubbliċi lokali, tista’ tagħmel dan billi żżur u tagħmel ‘like’ fuq il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD×.

Sport