“It-tama hi ġenerattiva”. Hekk iddikjara l-Kardinal Mario Grech fl-omelija tiegħu waqt quddiesa pontifikali fil-Bażilika tat-Twelid tal-Madonna, ix-Xagħra, fl-okkażjoni tal-festa tal-Vitorja.
L-Eminenza Tiegħu, il-Kardinal Grech, beda biex stqarr li hu biżżejjed ħarsa ħafifa lejn id-dinja ta’ madwarna biex nintebħu li t-tama qed tnin bil-mod il-mod.
Qal li l-ġrajjiet li naraw kuljum jtaqlulna moħħna u jqanqlu fina ħafna mistoqsijiet serji dwar il-ġejjieni. “Dawn il-mistoqsijiet, jekk ma nsibux min jismagħhom u jindirizzahom, jistgħu jaħbtu jaqtgħulna qalbna u inħossuna mitlufa.”
Il-Kardinal Grech qal li meta nibdew nitilfu l-fiduċja f’xulxin u fl-istituzzjonijiet tagħna nkunu “wasalna f’xifer irdum: f’dak il-punt fejn il-bniedem jibda jħoss li m’għandux fuq min jistrieħ, il-futur isir inċert u skur.”
Huwa tenna li mhumiex sinjali sbieħ meta t-tensjoni twassal biex nitilfu kull sens ta’ dekor fid-diskussjonijiet ta’ bejnietna u l-kritika ssir attakk dirett u ma tibqax konfront sinċier biex flimkien naslu għas-sewwa.
Madanakollu, il-Kardinal Grech insista li fil-ħajja ma hemm ebda sitwazzjoni, kerha kemm hi kerha, li ma tistax tiġi rimedjata. “Kull ferita tista’ tfiq, kull tensjoni tista’ tissolva, kull nuqqas ta’ ftehim jista’ jsib triq ’il quddiem. Imma dan jista’ jiġri biss jekk inżommu rispett lejn xulxin, jekk nisimgħu lil xulxin b’qalb miftuħa, u jekk nevitaw kull forma ta’ antagoniżmu li jagħlaq il-bieb għad-djalogu.”
“Meta nħarsu lejn xulxin mhux bħala avversarji, imma bħala persuni li qed ifittxu l-verità u l-ġid flimkien, anke l-aktar sitwazzjonijiet diffiċli jistgħu jinfetħu għal soluzzjoni. Ir-rispett jagħti spazju lill-kelma; l-assenza ta’ antagoniżmu tiftaħ il-qalb; u hekk, bil-mod il-mod, dak li kien jidher impossibbli jsir possibbli.”
Il-Kardinal Grech kompla jgħid li bit-twelid tagħha, Marija Bambina inawgurat rivoluzzjoni reliġjuza u soċjali fejn minkejja li l-attur ewlieni kien binha Ġesu Kristu, dan ma jfissirx li hi ma tatx is-sehem tagħha.
“Għalhekk it-twelid ta’ din il-ħlejqa straordinarja għandu jqawwi fina t-tama. U kif jgħid Papa Ljun XIV “it-tama hija ġenerativa” fis-sens li min għandu t-tama għandu l-ħila jwelled ħajja ġdida, viżjoni ġdida, ħsieb ġdid,” kompla l-Kardinal Grech.
“Marija Bambina hija dik li twieldet biex twelled: twelled ġens, ġemgħa nisranija li kapaċi ukoll twelled bnedmin ġodda u ċivilta ġdida. Din tkun tassew vittorja oħra li tkompli żżejjen l-annali tal-istorja ta’ ġensna!”.

