Friday, June 27, 2025

It-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi għalqet b’suċċess ’il fuq minn 35 ftehim kollettiv

Kendrick Bondin ikkonfermat Segretarju tat-Taqsima

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar erba’ snin, it-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi ikkonkludiet b’suċċess ‘il fuq minn 35 ftehim kollettiv li tejbu aktar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tal-ħaddiema. Fl-istess waqt, it-Taqsima kompliet trawwem kultura ta’ ugwaljanza, issaħħaħ id-djalogu soċjali u anke ssoktat bil-ħidma tagħha biex il-kwalità tal-impjiegi tkun itjeb.

Dan qalu s-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin waqt il-Konferenza Kwadriennali tat-Taqsima, fejn l-istess Bondin kien ikkonfermat bħala Segretarju filwaqt li nħatru wkoll il-membri tal-Eżekuttiv tat-Taqsima għall-erba’ snin li ġejjin. 

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Bondin fisser kif ir-riżultati miksuba f’dawn l-aħħar erba’ snin kienu frott ta’ ħidma kollettiva. Qal li waħda mill-akbar sfidi li affaċċjaw kienet relatata mal-liġi tal-paga ugwali għal xogħol tal-istess valur li daħlet fis-seħħ aktar kmieni din is-sena, meta kien hemm membri, speċjalment care workers, li ma kinux qed jibbenefikaw minnha. “Għamilna tilwima u saru negozjati intensivi sakemm ksibna dak li hu ġust,” qal is-Sur Bondin. 

Huwa rrefera wkoll għall-ħidma tat-Taqsima fir-rigward ta’ diversi proġetti ta’ riċerka u żvilupp li għenu lill-membri jifhmu l-ħtiġijiet tagħhom filwaqt li pparteċipaw f’diversi konferenzi internazzjonali fejn wasslu l-vuċi tal-ħaddiema Maltin u tgħallmu mill-prattiċi tajbin ta’ pajjiżi oħra.

Kendrik Bondin temm billi rringrazzja lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għax-xogħol siewi li jagħmlu ma’ sħabhom fuq il-postijiet tax-xogħol, lill-membri kollha tal-Eżekuttiv tat-Taqsima, lill-amministrazzjoni tal-GWU tal-appoġġ kontinwu li jagħtuh, lis-Segretarji u l-ħaddiema kollha fil-GWU. 

Waqt l-istess konferenza tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li nnota kif matul dawn l-aħħar erba’ snin saru bidliet kbar fit-Taqsima. Semma kif huwa stess kien għen lis-Segretarju Bondin fin-negozjati biex jinkiseb l-aqwa ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku, b’investiment ta’ €1.27 biljun.

Huwa semma wkoll li din il-ġimgħa stess it-Taqsima ffirmat ftehim ieħor ma’ Residenza Malta. Is-Sur Bugeja kompla billi wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma u l-professjonalità li taħdem biha t-Taqsima u xhieda ta’ dan huwa r-rikonoxximent li qed jirnexxielha tikseb f’diversi postijiet tax-xogħol.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU rrefera wkoll għall-ħidma mwettqa mit-Taqsima barra minn xtutna fejn stqarr li “ċ-ċokon tagħna m’għandux iżommna milli nispiraw fuq livell Ewropew. Għandna l-ideat u kapaċi nagħmlu l-affarijiet. M’għandniex naqtgħu qalbna. Għandna vuċi b’saħħitha daqs ta’ barra.” 

Huwa temm jgħid li dawn ir-riżultati setgħu jinkisbu biss grazzi għall-ħidma sfiqa tat-Taqsima mmexxija mis-Segretarju Kendrick Bondin, flimkien mad-delegati, ir-rappreżentanti u l-membri kollha. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa enfasizza li xogħol il-unjin huwa dak li tressaq ’il quddiem l-aspirazzjonijiet tal-membri u l-ħaddiema għaliex kulħadd jaspira li jkollu ħajja aħjar. 

Interventi oħra fil-konferenza saru wkoll mill-Assistenti Segretarji tat-Taqsima Brian Bonnici u Lawrence Bugeja li tkellmu dwar dak li rnexxielha tikseb it-Taqsima f’dawn l-aħħar snin u anke l-viżjoni li għandha għas-snin li ġejjin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport