Saturday, December 21, 2024

It-tarbija Kara m’għadhiex fuq il-magni tan-nifs

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-omm b’appell għal talb biex bintha ma ddumx ma tingħaqad magħha d-dar

Iċ-ċkejkna Kara Mae Gauci, tarbija li bdiet tbati minn episodji ta’ nuqqas ta’ ossiġnu li anke affetwawlha qalbha, tneħħiet mill-magni tal-ossiġnu u l-ġenituri tagħha jinsabu b’moħħhom aktar mistrieħ wara li konsulent ħabib tal-familja assigurahom li binthom m’għandha xejn serju għajr bżonn ta’ aktar żvilupp. Miriana DeBrincat hija omm iċ-ċkejkna Kara li qasmet din l-aħbar sabiħa ma’ Talk.mt fejn qaltilna li bintha hija tarbija tal-mirakli u li fl-aħħar hija u żewġha qegħdin jaraw xaqq ta’ dawl.

L-istorja ta’ Kara saret magħrufa permezz ta’ kampanja ta’ ġbir ta’ fondi fuq il-midja soċjali – “Save Baby Kara Mae”. Din inbdiet minn Miriana biex it-tarbija tkun tista’ tittieħed fi sptar barra minn Malta. Dan minħabba li sal-ġimgħa l-oħra l-omm kienet għadha fid-dlam ta’ x’għandha eżattament bintha. 

“Kellimna konsulent ħabib tagħna u assigurana li t-tifla m’għandha xejn serju u li qiegħda tbati biex tieħu n-nifs minħabba li għad fadallha x’tiżviluppa. Neħħewlha l-ventilatur u issa kulma fadlilha huwa l-pajp li jagħtiha l-ħalib. Il-piż żammitu u mhux talli hekk, talli qiegħda tikber. Diġà tiżen 3.34 kilogrammi! Issa x’ħin ikun immissha l-ikel anke qiegħda tqum regolari u tibki,” qalet bi tbissima Miriana.

L-omm, li sa ftit jiem ilu kienet iddisprata dwar saħħet bintha, issa għandha moħħha mistrieħ li Kara se taqleb għall-aħjar. Qalet li, “issa serraħna moħħna aktar. Dak il-ħin qisu tneħħitli balla minn fuq l-istonku u wġigħ ta’ ras kbira. Naqqasna mill-piż li kellna fuq rasna mill-ħsibijiet u issa nistgħu nħarsu ‘l quddiem għax fl-aħħar qegħdin naraw xaqq ta’ dawl”. 

Storja li ġibdet ħafna attenzjoni fuq il-midja soċjali…

Miriana hija mara ta’ 22 sena li għadha kemm saret omm għall-ewwel darba. Hija kellha kumplikazzjonijiet fit-tqala u weldet lil Kara sitt ġimgħat qabel iż-żmien. Għall-bidu kollox kien jidher tajjeb sakemm it-tarbija bdiet tesperjenza episodji fejn kienet tieqaf tieħu n-nifs sa anke beda jonqsilha l-ossiġnu fil-qalb. 

It-tobba qalu lill-ġenituri li din il-kundizzjoni bdiet mit-twelid. Kara, issa li daħlet fit-43 ġimgħa tagħha, għadha rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tan-Neonatal Paediatric (NPICU) fl-Isptar Mater Dei.

L-omm spjegat kif li fl-isptar lil bintha sarulha kull test possibbli u li bħalissa qegħdin jistennew wieħed tal-ġenetika li r-riżultat tiegħu jdum ma joħroġ. Sadanittant it-tifla sa ftit tal-ġranet ilu kienet qiegħda tieħu battikata wara oħra u qabditha anke infezzjoni minħabba li l-ħalib marilha fil-pulmun. Konsegwenza ta’ dan, kien hemm perjodu fejn is-sitwazzjoni ta’ saħħet it-tarbija ggravat.

Fl-aħħar laqgħa li kellha fl-isptar il-Ħamis li għadda Miriana reġgħet talbet biex bintha tkun rilaxxata ħalli teħodha fi sptar speċjalizzat barra minn Malta. Stqarret li, “f’Malta għandna tobba bravi ħafna imma kont inkwetata wisq… binti hija d-dinja tiegħi u bdejt nibża’ li nitlifha”.

Għadu mhux magħruf meta ċ-ċkejkna Kara se tkun tista’ toħroġ mill-isptar imma Miriana qaltilna li l-pjan li jeħoduha barra minn Malta għall-kura, għalissa twarrab. Il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għal Kara twaqqfet u l-omm qaltilna li l-flus kollha li nġabru se jingħataw b’donazzjoni lil “Puttinu Cares” f’isimhom u f’isem it-tifla.

Kummenti li jweġġgħu

Fil-perjodu ta’ tħassib u ta’ nkwiet ta’ din il-familja, fuq il-Facebook saru ċertu kummenti u ġudizzji mhux f’posthom li Miriana tixtieq tqajjem għarfien u kuxjenza dwaru.

“Tal-familja kollha għenuna u anke nies li ma nafuhomx… imma rajna ċerti kummenti li weġġgħuna. Qishom ma jindunawx li aħna qegħdin naqrawhom. Ma kienx hemm bżonn li n-nies ta’ bilfors jagħtu l-flus imma almenu setgħu jagħmlulna ftit kuraġġ,” spjegat Miriana.

“Immaġinaw ikollkom tarbija tat-twelid li ma tistax tieħu nifs… tarawha tibdel il-kuluri u tibża’ għax ma tkunx taf x’se taqbad tagħmel”

Omm iċ-ċkejkna Kara

L-omm esprimiet dispjaċir wara li kien hemm min staqsa jekk l-istorja ta’ bintha hiex vera jew inkella għaliex bħala ġenituri qegħdin jiddependu mill-Istat biex isalvaw ħajjet binthom. Hija staqsiet, “dawn fejn jafu minn xhiex għaddejjin aħna?”

L-omm kitbet messaġġ ieħor fuq Facebook fejn qalet li, “meta nara wħud mill-kummenti ta’ ċerti nies u anke ta’ ommijiet, inħossni mweġġa’ bil-kbir. Kif tistgħu tiġġudikaw daqshekk? Immaġinaw ikollkom tarbija tat-twelid li ma tistax tieħu nifs, li għandha problemi biex issoff u biex tibla’… Immaġinaw tarawha tibdel il-kuluri u tibża’ għax ma tkunx taf x’se taqbad tagħmel”. Hawnhekk Mariana ppruvat tagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni diffiċli tagħhom fejn iddeskriviet weġgħa ta’ qalb kull darba li tisma’ l-biki ta’ bintha meta jsirulha t-testijiet tad-demm. 

Miriana qalet lil dan il-ġurnal li, “aħna poplu Malti li suppost ngħinu lil xulxin u li nkunu magħqudin. Ħaddieħor sab għajnuna. Tiktbux dawk il-kummenti. Tiġġudikawx għax ma tafux minn xhiex wieħed ikun għaddej. Jien kulma qiegħda nagħmel huwa li nara x’għandha t-tifla u nagħtiha l-kura li għandha bżonn”.

Filwaqt li rringrazzjat lill-persuni kollha li għenuhom, din l-omm qiegħda tittama li kollox jibqa’ sejjer sew b’saħħet bintha u appellat lill-pubbliku biex xorta jibqa’ jitlob għalihom “ħalli Kara ma ddumx ma tinġabar magħna”.

Ekonomija

Sport