Wednesday, April 24, 2024

It-Taxxi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn BENNY BORG BONELLO

It-taxxi dejjem kienu suġġett kontroversjali. Biss tajjeb nistaqsu jekk it-taxxi għandniex bżonnhom?  Kulħadd jaqbel li jekk irridu ċerti affarijiet, it-taxxi għandna bżonnhom.  Jekk irridu li l-gvern jagħmel xi affarijiet, bħal toroq, skejjel, sptarijiet eċċ, mal-ewwel nifhmu l-bżonn tat-taxxi.  Il-kontroversja hi kemm għandna bżonn taxxi u fuq xiex għandhom ikunu.  Din mhix kontroversja ġdida speċjalment bejn il-pajjiżi Ewropej.

Il-biċċa hi li ħafna pajjiżi tat-tramuntana tal-Ewropa, bħall-Ġermanja, jemmnu li  t-taxxi barra li huma meħtieġa biex il-gvern joffri ċerti servizzi, dawn huma meħtieġa wkoll biex jimbuttaw in-nies minn u lejn ċerti affarijiet.  Ħa nieħdu l-aħħar kontroversja li hemm fl-Ewropa li ilha għaddejja xhur sħaħ.  

Kulħadd jaqbel li l-ambjent irridu nieħdu ħsiebu u waħda mill-affarijiet li qed tagħmel ħsara l-ambjent hu d-dħaħen u l-gassijiet li joħorġu mill-magni li jużaw fjuwel ibbażat fuq iż-żejt.  Bħal kull ħaġa oħra, hemm żewġ toroq biex nilħqu l-għan li nħarsu l-ambjent.  L-ewwel hi dik li nnaqqsu l-użu tal-affarijiet li jużaw dan il-fjuwel permezz ta’ taxxi.  It-tieni triq hi differenti għaliex hi bbażata fuq il-ħtieġa li nsibu mezz kif innaqqsu dawn il-gassijiet billi nsibu mezzi ġodda li jħaddmu dawn l-affarijiet mingħajr ma nipproduċu dawn il-gassijiet.

Eżempju ta’ dan huma l-karozzi.  Kulħadd jifhem il-ħtieġa tal-karozzi u l-użu tagħhom.  Għalhekk morna għat-tieni triq – dik li nsibu magni li ma jużawx fjuwel bħad-diesel u l-petrol.  Biss xorta ser nibqgħu nużaw il-karozzi.

Il-kontroversja preżenti hi fuq l-ivvjaġġar bl-ajruplani.  L-Ewropa trid tnaqqas l-ivvjaġġar bl-ajruplani peress li dawn jużaw fjuwel miż-żejt.  L-għan hu li jġiegħlu lin-nies li jużaw it-trejns.  Il-metodu li trid tuża l-Kummissjoni Ewropea hu l-ewwel metodu – dak li tuża t-taxxi.  

Hemm tendenza kbira li din it-triq joħduha l-partiti tal-lemin li llum jiddominaw pajjiż bħall-Ġermanja li għandha influwenza kbira ħafna.  Fil-fatt din narawha dejjem.  Meta jkun hemm xi ħaġa bħal din li trid tiġi deċiża, l-ewwel ma jiltaqgħu huma l-mexxejjja tal-Ġermanja u Franza u bejniethom jiddeċiedu t-triq li għandha tagħżel il-Kummissjoni.  

Għaliex din it-triq hi favorita mill-partiti tal-lemin bħall-Partit Popolari Ewropew?  Ir-raġuni hi sempliċi – għaliex dan il-metodu jħares d-dominanza tas-sinjuri.  Aktar ma tgħabbi taxxi fuq xi ħaġa, huma n-nies li mhux sinjuri li ser inaqqsu l-użu tagħha.  Għas-sinjuri l-prezz mhux problema u għalhekk mhux ser ikollhom bżonn inaqqsu l-użu tal-ajruplani!  

Fil-fatt din hi waħda mir-raġunijiet li aħna, bħala Għaqda tal-Konsumaturi, opponejniha meta ġejna kkonsultati biex inħajru lin-nies jaċċettaw li għandhom jiżdiedu t-taxxi fuq il-fjuwel tal-ajruplani.  Fil-każ tagħna huma l-konsumaturi vulnerabbli, bħal dawk li ma tantx għandhom flus x’jaħlu, li ser ibatu għax ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw bl-ajru.  

Minkejja li l-kumpaniji tal-ajru ‘low cost’ għandhom il-problemi tagħhom, ħaġa tajba li ġabu hi li għamluha possibbli għal kulħadd li jista’ jivvjaġġa bl-ajru. 

Għalina l-Maltin, peress li aħna ngħixu fuq gżira, il-problema tagħna hi akbar peress li jekk ma nużawx l-ajru biex naslu post ieħor fl-Ewropa, l-ewwel ikollna nivvjaġġaw bil-baħar lejn Sqallija u wara naqbdu trejn biex twassalna fil-post fejn irridu mmorru.  Jekk xi ħadd ikun ser jieħu vaganza ta’ erbat’ijiem, tliet kwarti minnhom ser jaħlihom jivvjaġġa u ser isib li ser ikun aktar għajjien meta jasal lura.  Min jaħseb li din mhix problema, kull ma jrid jistaqsi huma nies bħali li llum għandhom iż-żmien biex jgħidulhom kemm kien diffiċli li ssiefer fl-antik meta kien ikollna l-ewwel naqsmu għall-Ewropa bil-baħar.

Aħna memmnu li hemm mezzi oħra kif nistgħu naslu biex filwaqt li nibqgħu nużaw l-ajruplani nħarsu l-ambjent.  Mezz minnhom hi t-triq li qed nieħdu fil-karozzi.  Hemm qed intellgħu l-istandards tal-magni tal-karozzi.  U hekk għandna nagħmlu – ngħollu l-istandards biex il-magni jaħdmu b’mod li ma jħammġux l-arja.  

B’hekk ma nkunux qed inħammġu l-arja u fl-istess ħin inkunu qed nagħtu ċans lin-nies kollha, u mhux is-sinjuri biss, biex jivvjaġġaw.  Hu għalhekk li l-Gvern għandu jibqa’ jirreżisti l-pressjoni mill-UE biex idaħħal taxxi fuq il-fjuwel tal-ajruplani u jippressa lill-UE biex ittellgħa l-istandards u nnaqqsu t-tinġiż tal-arja.

Nitgħallmu mill-esperjenza tal-Coronavirus

Minħabba l-coronavirus kellna nieħdu miżuri estremi fejn anki wasalna li nagħlqu kważi l-business kollu.  Ir-raġuni kienet li ma kellniex esperjenza kif nistgħu nilqgħu għall-panedemija ta’ dan il-virus li fil-bidu ma konna nafu xejn dwaru ħlief li jwassal għall-mewt ta’ ħafna nies.  

Jien nemmen li l-esperjenza li ksibna għandna nużawha biex fil-mod tal-ħajja tagħna ndaħħlu użanzi li jipproteġuna minn viruses perikolużi oħra li jistgħu jinqalgħu mingħajr ma nerġgħu ngħaddu mit-trawma li għaddejna f’dawn l-aħħar xhur.  Din mhix xi ħaġa faċli li ssir għaliex għandna t-tendenza li l-ewwel nagħmlu furur sħiħ kif jinqala’ xi ħaġa serja u ngħidu li ser nieħdu passi drastiċi u ftit wara jorqod kollox u nitfgħu kollox taħt it-tapit u nerġgħu niftakru f’affarijiet li kellna nagħmlu meta jinqala’ każ ieħor.  

Esperjenza qarsa li kellna, għalkemm ma tantx tajna kasha, kienu ċerti sitwazzjonijiet li kellhom jiffaċċjaw il-konsumaturi.  Din kienet meta ċerti kuntratti li kellhom il-konsumaturi ma setgħux jiġu segwiti minħabba l-miżuri li kellhom jittieħdu biex nipproteġu l-ħajjiet.  

Sitwazzjoni li kellna ħafna każi dwarha kienet ir-reception tat-tiġijiet.  Bħalissa hu ż-żmien fejn ħafna nies, minħabba t-temp, kienu jiżżewġu.  Biss minħabba l-miżura li kellha tittieħed, li ma jistgħux ikun hemm okkażjonijiet ta’ ħafna nies, ħafna tiġijiet kellhom jitħassru.  Din qalgħet diffikultajiet kbar lil dawk li kienu ser jiżżewġu f’dan iż-żmien. Is-sitwazzjoni kienet kerha minħabba li, peress li ma konniex nafu kif ser jiżviluppaw l-affarijiet, lanqas konna nafu kemm ser iddum din is-sitwazzjoni u ħafna nies bdew jippreparaw biex jipposponu it-tiġijiet tagħhom għas-sena d-dieħla.  

Hemm inqalgħet is-sitwazzjoni fejn kellek numru ta’ negozjanti li raw ċans li jistgħu jagħmlu profitt mhux mistħoqq minfuq il-klijenti.  Dan billi bdew iġibu ħafna skużi li ma jistgħux jipposponu d-data u għalhekk il-konsumaturi kellhom jitilfu d-depożitu li kienu għamlu.  Min hu midħla ta’ dawn l-affarijiet jaf li d-dopożitu li hu mitlub mhux żgħir għax ikun ta’ mijiet ta’ euros.  L-aktar żewġ gruppi li abbużaw minn din is-sitwazzjoni kienu l-fotografi u dawk tal-fjuri.  

Għaliex qed ngħid li dawn abbużaw mis-sitwazzjoni?  Ir-raġuni hi li dawn in-negozjanti ma ġarrbu l-ebda spejjeż.  Li kieku kellhom xi affarijiet ordnati, kont nifhem li l-konsumaturi kien ikollhom iħallsu għalihom imma meta ma tkun ġarrabt l-ebda spiża ma narax għaliex ma tkunx lest li tipposponi d-data meta l-konsumaturi jridu jkomplu bil-kuntratt biss iridu jipposponu d-data biss minħabba ċirkostanzi li ma kellhomx kontroll fuqhom. 

Jien nemmen li dawn l-affarijiet għandna narawhom u naraw kif nistgħu nirranġaw il-liġijiet tagħna li meta tinqala’ xi sitwazzjoni bħal din li għaddejjin minnha l-piż jinqasam fuq iż-żewġ naħat.

Min-naħa l-oħra, il-konsumaturi jridu jidraw li meta jkunu ser jidħlu b’xi kuntratt, qabel jiffirmawh għandhom jaqraw il-kundizzjonijiet li jkun hemm miktuba.  It-tieni ħaġa l-konsumaturi jridu jidraw li jinnegozjaw u mhux jaċċettaw il-prezzijiet mitluba qieshom dawn xi affarijiet sagri li ma jistgħux jitmissu.  Ħaġa oħra li jridu jidraw jagħmlu hu li ma jħallsux minn qabel ma jaraw li l-affarijiet li ordnaw huma kif suppost u li d-depożitu jkun l-inqas possibli.   

Sport