It-Teatru Manoel iniedi l-istaġun 2026-27 b’70 avveniment u produzzjoni

Aqra wkoll

It-Teatru Manoel nieda uffiċċjalmet l-istaġun 2026-27 tiegħu, bi programm li jinkludi 70 avveniment u produzzjoni. Mill-opra u l-mużika klassika sat-teatru, il-musicals, iż-żfin u spettakli għall-udjenzi żgħażagħ, l-istaġun ilaqqa’ artisti Maltin u internazzjonali fit-Teatru Nazzjonali ta’ Malta.

Fost il-produzzjonijiet ewlenin hemm Little Shop of Horrors, ippreżentata minn Masquerade Theatre Company, Salomé ta’ Oscar Wilde u kunċert iddedikat lil Maria Callas. Il-programm tal-opra jinkludi Giulio Cesare in Egitto ta’ Handel u Roméo et Juliette ta’ Gounod. L-udjenzi jistgħu jistennew ukoll il-kunċert tal-ftuħ tal-istaġun tad-De Valette Chamber Orchestra, wirjiet mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u ŻfinMalta, kif ukoll avvenimenti mill-Valletta Baroque Festival, il-Malta Spring Festival u l-Malta International Arts Festival.

Il-programm se jittella’ fl-Awditorju Prinċipali, fl-Istudio Theatre u fis-Sala Isouard. Dawn l-ispazji jilqgħu produzzjonijiet fuq skala kbira, spettakli intimi u kunċerti. L-istaġun ikompli l-impenn tat-Teatru Manoel li jippreżenta xogħlijiet ġodda filwaqt li jieħu ħsieb teatru li ilu jilqa’ l-udjenzi għal kważi tliet sekli.

Huwa u jilqa’ l-istaġun il-ġdid, l-Onor. Malcolm Paul Agius Galea, Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, qal li “s-saħħa ta’ istituzzjoni kulturali ma titkejjilx biss mill-istorja li tippreserva, iżda wkoll mill-kapaċità tagħha li tibqa’ rilevanti għan-nies tal-lum u li tispira lil dawk li se jsawru l-kultura ta’ għada.”

Dr Michael Grech, Chairman tat-Teatru Manoel, semma li “bħala t-Teatru Nazzjonali ta’ Malta, aħna kburin li nippreżentaw programm li jlaqqa’ flimkien artisti lokali u internazzjonali ta’ livell eċċezzjonali, filwaqt li jrawwem id-djalogu, il-kollaborazzjoni u l-iskambju kulturali. Daqstant importanti huwa l-impenn tagħna li nappoġġaw it-talent Malti u li noħolqu opportunitajiet kemm għall-artisti emerġenti kif ukoll għall-udjenzi.”

Is-Sur Edward Zammit, Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, innota li “kull żjara fit-Teatru Manoel hija laqgħa ma’ monument ħaj, fejn il-wirt u l-kreattività jeżistu id f’id. Bħala kustodji ta’ wieħed mill-eqdem teatri li għadhom attivi fl-Ewropa, aħna impenjati li nippreservaw dan il-legat notevoli filwaqt li niżguraw li jkompli jispira l-ġenerazzjonijiet futuri.”

Il-Perit Adrian Mamo, Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel, żied jgħid li “dan l-istaġun jiċċelebra r-rikkezza u d-diversità tal-arti tal-ispettaklu, billi jgħaqqad flimkien l-opra, il-musicals, il-pantomima, iż-żfin, il-mużika klassika u t-teatru, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Minbarra l-produzzjonijiet tagħna stess, aħna kburin li nospitaw wirjiet mill-Valletta Baroque Festival, il-Malta Arts Festival u l-Malta Spring Festival.”

TOI TOI, il-programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni tat-teatru, jirritorna b’disa’ produzzjonijiet li se jerġgħu jittellgħu u erba’ xogħlijiet ġodda: Jingle!, Wara l-Mewġ, Home Invasion u Għadna Żgħar. Il-programm jinkludi wkoll Alice in Theatreland!, l-ewwel pantomima tal-Għid tat-Teatru Manoel, u kollaborazzjoni ġdida mal-kumpanija teatrali Rhum+Clay fuq adattamenti ta’ The War of the Worlds u Mistero Buffo.

Is-Sinjura Kate Fenech Field, Maniġer ta’ TOI TOI, enfasizzat li “dan l-istaġun qed inniedu wkoll proġett ġdid dwar il-benesseri, bl-isem simpatiku ta’ BOP!, li jlaqqa’ lin-nies flimkien permezz tal-ferħ tal-moviment u mużika mill-aqwa. Fuq il-palk prinċipali, TOI TOI jippreżenta l-ewwel Panto tal-Għid tiegħu, Alice in Theatreland!”

Il-programm sħiħ tal-istaġun u l-aħħar informazzjoni dwar l-ispettakli jinsabu fuq www.teatrumanoel.mt.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport