Thursday, December 26, 2024

It-teknoloġija tista’ twassal għal provvista bla limitu ta’ organi għat-trapjanti

Aqra wkoll

Fuq skala mondjali, il-lista ta’ stennija għal trapjanti tal-organi hija waħda twila ħafna u ta’ wġigħ ta’ ras fuq is-sistemi tas-saħħa kollha. Bħala medja fl-2022 fost l-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa, 39,000 pazjenti sarilhom trapjant mentri 48,000 oħra ġodda tniżżlu fuq il-lista ta’ stennija.

Ir-realtà hija li minkejja li hemm donazzjonijiet tal-organi, id-domanda teċċedi bil-kbir il-provvista. Dan minkejja li nofs l-Ewropej, skont l-Eurobarometer, huma lesti jagħtu l-organi tagħhom wara mewthom.

Proprju minħabba l-għatx kbir li hemm f’dan is-settur, il-kamp xjentifiku, bl-għajnuna ta’ teknoloġiji ġodda, dejjem għaddej jistudja u joħroġ b’innovazzjonijiet li aktar ‘il quddiem jistgħu jwasslu biex ma jibqax aktar lista ta’ stennija għal trapjanti ta’ organi.

Minn rapport maħruġ mill-“MIT Technology Review” il-kamp xjentifiku qiegħed jagħmel passi ta’ ġgant b’invenzjonijiet teknoloġiċi ġodda ta’ organi mmanifatturati bl-inġinerija. Il-frott minn din ir-riċerka jista’ jwassal biex il-pazjenti fi bżonn ma jibqgħux jistennew donatur li jmut biex jingħataw organu san li jsalvalhom ħajjithom.

Trapjanti minn organi ta’ annimali…

Is-sena l-oħra, għal xahrejn sħaħ, il-pazjent ta’ 57 sena David Bennett, għex b’qalb ta’ ħanżir f’sidru. Il-kirurġi fl-Università ta’ Maryland għamlu dan it-trapjant ħalli jaraw jekk ġenom ta’ qalb ta’ ħanżir jistax iżomm persuna ħajja.

Dan għamluh minħabba li hemm aktar nies li għandhom bżonn ta’ organu milli hemm provvista ta’ organi. Fil-fatt, madwar id-dinja ta’ kull sena, isiru madwar 130,000 trapjanti ta’ organi iżda, ħafna aktar nies imutu huma u jistennew trapjant ta’ organu jew inkella għax qatt ma rnexxielhom jitniżżlu fil-lista ta’ stennija.

Organi mill-annimali huma kkonsidrati bħala soluzzjoni possibbli u din qiegħda tiġi studjata mix-xjenzati . Però, din mhux faċilment tirnexxi minħabba li l-ġisem tal-bniedem jista’ jkollu reazzjoni negattiva bihom. Fosthom hemm kumplikazzjonijiet ikkawżati minn zokkor fuq it-tessut tal-ħanżir li jista’ jwassal biex is-sistema immunitarja tal-pazjent tirreaġixxi ħażin. Minħabba f’hekk, ix-xjenzati qegħdin ibiddlu u jżidu fil-ġenetika tal-ħnieżer bil-għan li jagħmlu l-ħnieżer ġenetikament aktar viċin tagħna l-bniedem.

Ir-riċeerka tmur oltre fosthom bl-ipprintjar 3D

Ix-xjenzati mhumiex jillimitaw ir-riċerka u l-esperimentazzjonijiet tagħhom fuq il-ħnieżer biss. Fil-fatt għadd ta’ kumpaniji biotech ħolqu annimali li l-organi tagħhom huma aktar kompatibli mal-ġisem tal-bniedem. Minkejja li Bennett miet u nstab virus fl-organu trapjantat, it-tobba tiegħu saħqu li l-qalb tal-ħanżir li rċieva, ma wriet ebda sinjali li ma kinitx kompatibbli. Issa dawn huma rrapportati li qegħdin jippjanaw studju b’aktar pazjenti.

Fil-futur l-inġinerija tal-organi għandha mnejn li ma tkunx tinvolvi annimali. Dan ir-rapport qal li riċerkaturi huma fl-istadji inizjali li jesploraw metodi revoluzzjonarji li bihom jibnu mill-bidu sal-aħħar it-tessut meħtieġ. Uħud minnhom huma bl-użu tat-teknoloġija revoluzzjonarjja tal-ipprintjar tad-3D fil-forma tal-pulmun mentri oħrajn qegħdin jippruvaw jikkoltivaw “organoids” minn stem cells bil-mira li jimitaw organi speċifiċi. 

Il-kamp xjentifiku tant qiegħed javvanza u jkun ottimist li aktar ‘il quddiem ir-riċerkaturi qegħdin jittamaw li jirnexxielhom “ikabbru” organi f’fabbriki apposta. Sadanittant, kemm jekk l-organi jittieħdu minn annimali jew inkella jiġu immanifatturati f’impjanti apposta, provvista bla limitu ta’ organi tista’ twassal biex it-trapjanti tal-organi jsiru aktar komuni u jagħti aċċess ferm akbar lil dawk fil-bżonn ta’ tali intervent mediku.

Ekonomija

Sport