Friday, May 3, 2024

L-industrija tal-films f’Malta “splodiet” f’dawn l-aħħar 11-il sena

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-ekonomija Maltija kompliet tissaħħaħ taħt Gvern Laburista u wieħed mis-setturi li qiegħed jiġġenera introjtu konsiderevoli huwa dak tal-produzzjonijiet tal-films. Din l-industrija importanti f’dawn l-aħħar 11-il sena rat qabża kbira b’total ta’ 192 produzzjoni.

Meta l-perjodu ta’ bejn l-2013 sa Frar ta’ din is-sena nqabbluh mas-60 sena ta’ qabel, li kellu total ta’ 40 film biss, wieħed jara kemm il-ħidma f’dan is-settur “splodiet”.

Ħabbar dan il-Kummissarju tal-films Johann Grech fejn mill-informazzjoni li ta, bejn l-2013 sal-2017 l-investiment f’dan is-settur kien ta’ €180 miljun mentri bejn l-2018 sa Frar 2024 dan kien ta’ aktar minn €500 miljun. 

Fis-sena 2018 it-total tal-produzzjonijiet ta’ films kien ta’ disgħa. Dan l-ammont tela’ għal 22 fl-2019. Fis-sena 2020 kien hemm 12-il produzzjoni biex fis-sentejn ta’ wara inħadmu 25 produzzjoni kull waħda.

Għal darb’oħra l-industrija tal-films f’Malta rat żieda qawwija fil-produzzjonijiet tal-films hekk kif is-sena l-oħra dan l-ammont tela’ għal wieħed rekord – 37 produzzjoni. Din is-sena, f’perjodu qasir ta’ xahrejn, diġà kellna seba’ produzzjonijiet. 

Meta wieħed iħares lejn is-60 sena ta’ qabel, il-produzzjonijiet ta’ films f’Malta kienu verament sporjadiċi fejn l-aktar snin li kellna kienu bejn l-1973 u l-1977 b’total ta’ sebgħa.

Biex tingħata idea ta’ kemm il-produzzjonijiet ta’ films f’Malta kienu baxxi iżda mhux daqstant ‘il bogħod fis-snin, bejn l-2003 u l-2007 dawn kienu f’total ta’ ħamsa mentri, bejn l-2008 u l-2012 dawn telgħu bi produzzjoni waħda biss, jiġifieri total ta’ sitta fuq perjodu ta’ ħames snin.

Fir-rigward, Johann Grech kkummenta li “dan huwa rekord ċar. Inkompli mixjin ‘il quddiem”.

Films li nħadmu f’Malta din is-sena huma “Gladiator 2” u “Borderline” mentri fost dawk fl-2023 insibu “Deep Fear”, “Napoleon”, “Last Voyage of the Demeter”, “Sniper: G.R.I.T” u “Ikariya”.

Sport